Is-sena l-oħra, il-Gvern investa aktar minn €30 miljun f’mediċini tal-kanċer, li mhumiex fuq il-formularju tal-Gvern, favur il-pazjenti f’pajjiżna. Dan intqal direttament mill-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, f’intervista ma’ ONE News, fil-Jum Dinji tal-Kanċer.
Intqal li, sena wara sena, il-Gvern qed jinvesti wkoll f’mediċini tal-kanċer li qegħdin fuq il-formularju nazzjonali, waqt li anke jgħin lill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund f’dan ir-rigward.
Minbarra dan l-investiment massiċċ fil-mediċini relatati, il-Gvern ukoll investa u għadu jinvesti fl-aktar apparat mediku innovattiv biex dejjem ikollna l-aqwa kura.
“Din is-sena kellna l-ftuħ tal-faċilità tal-MR Linec, li tittratta kanċers b’mod millimetriku, tagħti raġġi ffokati fl-kanċer. Bħal pereżempju l-prostata, il-pulmun, qed nitkellmu fuq is-sider. Imma kien hemm investimenti oħrajn, bħall-MRI Scanner ġdid u CT Scanner ġdid f’Għawdex, il-mamography equipment f’Għawdex ukoll. Dawn jirriflettu rinnovazzjoni fl-equipment li qed tiġri f’Malta wkoll. Nista’ ngħid li dalwaqt ħa jkollna żewġ PET Scanners ġodda. Jiġifieri l-investiment fit-tagħmir biex aħna niġġieldu l-kanċers dejjem għaddej.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Il-Ministru Abela qal li, quddiem iż-żieda fil-każi ta’ kanċer, hu tkellem dwar l-importanza tal-prevenzjoni.
“Fejn jidħol screening, se nibdew screening strutturat għall-kanċer tal-prostata, screening strutturat fuq il-kanċer fil-frixa. Fejn diġà hemm screening, bħal pereżempju tal-musrana, dak ħa nniżżlu l-età, ħa nbaxxuha ’l isfel f’dawn is-snin li ġejjin ninżlu għall-età ta’ 40 sena. Jiġifieri dak hu avvanz enormi. L-istess fil-frekwenza tal-mamograms għan-nisa, għall-kanċer tas-sider. Aħna beħsiebna li nnaqsu l-ħin bejn mamogram u ieħor u nibqgħu neżlin bl-etajiet.” 2:45
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Iżjed minn hekk, il-Gvern ukoll għaddej bi pjani bla preċedent fit-tisħiħ tal-infrastruttura nazzjonali inġenerali fejn tidħol il-kura tas-saħħa.