Il-President interim tas-Sirja, Ahmed al-Sharaa, waqqaf kumitat sabiex jinvestiga l-vjolenza qattiela li għaddejja bejn il-forzi tas-sigurtà u dawk li għadhom lejali lejn l-ex President Bashar al-Assad wara li l-Uffiċjal Għoli tad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan il-Ġnus Magħquda Volker Turk sejjaħ għall-azzjonijiet immedjati.
Imbuskata fuq membri tas-sigurtà Sirjana minn nies armati lejali ta’ Bashar al-Assad, eskalat f’diversi attakki ta’ vjolenza li, skont grupp li jimmoniterja l-gwerra, fihom inqatlu aktar minn 1,300 persuna f’temp ta’ erbat ijiem.
L-ewwel attakk seħħ nhar il-Ħamis fejn il-belt ta’ Latakia u reġa’ fetaħ il-feriti ta’ 13-il sena ta’ gwerra ċivili fl-agħar vjolenza fis-Sirja minn mindu f’Diċembru, ribelli, mmexxija mill-Grupp Iżlamiku Hayat Tahrir al-Sham, irnexxielhom iwaqqgħu l-gvern ta’ Assad.
Il-kontroffensiva kontra dawk lejali ta’ Assad fir-reġjun kostali ta’ Alawite ġġenera konfużjoni u kaos f’diversi bliet u rħula fejn qed jiġu rrappurtati għexieren ta’ delitti ta’ vendetta minn militanti Sunni kontra s-setta żgħira Iżlamika irrilevanti jekk kellhomx x’jaqsmu jew le.
Fl-imbuskata, in-nies armati tal-grupp Assad Alawite, irnexxielhom jgħelbu lill-membri tas-sigurtà tal-Gvern u ħadu kontroll tal-belt nattiva ta’ Assad, Qardaha.
Kelliem għall-Ministeru tad-Difiża, il-Kurunell Hassan Abdel-Ghani, qal li l-Ħadd, il-forzi tas-sigurtà tiegħu kienu reġgħu ħadu l-kontroll tar-reġjun u kienu se jkomplu jsegwu l-mexxejja tar-ribelli.
Iżda minkejja l-isforzi sabiex jiġu kontenuti l-iskontri vjolenti, dawn eskalaw u fihom qed imutu ħafna nies ċivili li fil-biċċa l-kbira tagħhom jidhru li huma membri tal-komunità Alawita li jgħixu fil-provinċja kostali tal-pajjiż.
Is-Segretarju tal-Istat tal-Amerika, Marco Rubio, ħeġġeġ lill-awtoritajiet Sirjani sabiex jieħu azzjoni kontra dawk li qed iwettqu dawn l-atroċitajiet u massakri. Huwa qal li l-Istati Uniti tissapportja il-gruppi ta’ minoranza reliġjuża u etnika fis-Sirja fosthom il-komunitajiet Kristjani, Druze, Alawita u Kurdi.