Tnediet l-istrateġija nazzjonali għall-għaxar snin li ġejjin biex tkompli tonqos ir-rata tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, ingħad kif din l-istrateġija hi parti mill-implimentazzjoni tal-Viżjoni Soċjali ta’ Malta u timmira biex kulħadd jgħix ħajja diċenti u dinjituża, waqt li tiżġura li ħadd ma jitħalla lura.
L-għan tal-istrateġija hu li Malta jibqa’ jkollha waħda mill-inqas rati ta’ nies f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea.
Ġie spjegat li dan id-dokument għandu mija, ħamsa u sittin (165) miżura, b’ħames prinċipji ewlenin.
“Għandna li nirnexxu flimkien, li jkollna l-empowerment, is-solidarjetà, l-opportunità u d-dinjità. Qed naraw miżuri ta’ volontarjat, li nsaħħu l-intrapriżi soċjali, li jkollna edukazzjoni b’saħħitha, li tagħti l-ħiliet. Imma mhux biss li jkollna impjiegi b’saħħithom, ukoll benefiċċji ta’ adegwatezza u anke income adegwat tul il-ħajja kollha.”
Id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru, Alexia Vella
Intqal li twaqqaf kumitat li se jsegwi l-ħidma tal-ministeri varji u se jwettaq reviżjoni kultant snin biex jiżġura l-qagħda u r-realtajiet soċjali tal-preżent.
“L-istrateġija fiha qafas ta’ implimentazzjoni b’saħħtu, fejn għandna kumitat għoli biex naraw ukoll l-implimentazzjoni, fejn kull ministeru se jkun qed jaħtar kordinatur biex nassiguraw li dik il-miżura li hi identifikata, trid tkun implimentata fil-ħin hekk kif ippjanat skont l-istrateġija.”
Id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru, Alexia Vella

Il-Ministru Falzon sostna li l-Gvern Laburista introduċa numru ta’ miżuri, li għenu biex tonqos ir-rata tal-faqar.
“Jekk inti għandek il-faqar, ma tridx taħbi rasek fir-ramel u jgħid ma jeżistix, trid tiffaċċjah u rnexxielna dawn l-aħħar għaxar snin nagħmlu improvements kbar, biss fadal aktar x’nagħmlu u din l-istrateġija hi mmirata, hi parti mir-ruħ Soċjalista tagħna, li noħolqu l-ġid, imma mbagħad naraw li minn dak il-ġid jieħu kulħadd u fuq kollox li bħala Gvern ngħinu li dawk l-aktar li għandhom bżonn.”
Il-Ministru Michael Falzon

Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musù, li qal li din l-istrateġija għall-għaxar snin li ġejjin tkompli mal-ħidma li saret mill-Gvern fl-aħħar snin biex ir-rata tal-faqar f’pajjiżna naqset.
Dan filwaqt li l-ekonomista ewlieni mill-Bank Ċentrali, Aaron Grech, spjega dwar kif il-qagħda ta’ pajjiżna hi ferm aħjar ħdejn pajjiżi oħrajn Ewropej.