Permezz ta’ għotjiet ġodda u oħrajn imtejbin, li jammontaw għal aktar minn €2 miljun, il-familji Maltin issa jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ aktar b’saħħtu mill-Gvern biex jinvestu f’soluzzjonijiet u teknoloġiji li bihom jiffrankaw l-enerġija u l-ilma fid-djar tagħhom.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, fil-preżenza tal-Ministru responsabbli, Miriam Dalli, fejn ġew spjegati għadd ta’ skemi li għandhom l-għan li joffru prattiċi aktar sostenibbli.
Hawnhekk tħabbru tliet għotjiet ġodda għat-tisħin tal-ilma, fosthom dik għall-pannelli fotovoltajċi li huma konnessi direttament ma’ tali sistemi, li tkopri 50% tal-ispejjeż sa massimu ta’ €700.

Dan jippermetti lill-familji jiġġeneraw l-elettriku esklussivament għat-tisħin tal-ilma, mingħajr ma jaffettwa l-limitu tal-meter tal-pannelli u jeħtieġ ftit xogħol ta’ installazzjoni meta mqabbel ma’ heaters solari tradizzjonali.
L-Inġinier Marjohn Abela, Kap Eżekuttiv tar-REWS, spjega x’inhuma ż-żewġ għotjiet l-oħrajn ġodda.
“Għandna tliet għażliet, l-ewwel waħda dik għall-heater tal-ilma b’heat pump, b’żieda minn €1,000 għal €1,400 u tkopri 50% tal-ispejjeż, it-tieni għotja għal solar water heater, li tkopri 75% tal-ispejjeż sa massimu ta’ €1,400 u għandna dik tal-pannelli għat-tisħin tal-ilma.”
Marjohn Abela, Kap Eżekuttiv, REWS
Fejn jidħlu s-solar water heaters, il-Gvern qed jagħti għotja addizzjonali ta’ €500 għat-tiswija wara ħames snin.
Ir-REWS se jkompli wkoll jagħti s-sapport tiegħu, permezz ta’ għadd ta’ skemi residenzjali li għadhom għaddejjin, fosthom għotja għar-restawr ta’ ċisterni, li tkopri 50% tal-ispejjeż eliġibbli, sa massimu ta’ €1,000, għotja għar-roof insulation u double glazing, li tkopri 50% tal-ispejjeż ta’ retrofitting, sa massimu ta’ €1,000, għotja għall-carbon filters, li tkopri 60% tal-ispejjeż sa massimu ta’ €100, u għotja għas-sistema tar-reverse osmosis, li tkopri sa €300, skont it-tip tas-sistema.
Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, enfasizzat l-importanza ta’ dawn l-inizjattivi biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali ta’ Malta, filwaqt li jgħinu lill-familji jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom.
“Nemmen aktar minn qatt qabel li din it-teknoloġija toffri benefiċċji kbar lill-pajjiż żgħir bħal tagħna, li hu gżira, u dawn huma t-tip ta’ skemi, li se nkomplu naħdmu fuqhom fix-xhur u s-snin li ġejjin biex naraw li pajjiżna jibqa’ miexi fit-triq li hi aktar sostenibbli u li tgħin biex finalment ikollna ekonomija li ma tniġġisx.”
Il-MInistru Miriam Dalli