Il-Gvern flimkien mal-Malta Enterprise nieda skema ġdida ta’ sussidju għall-kera industrijali b’allokazzjoni ta’ €2.5 miljun.
Dan sabiex tassisti negozji u persuni li jaħdmu għal rashom sabiex dejjem ikomplu jinvestu, jimpjegaw ħaddiema ġodda u jkabbru n-negozju tagħhom.
Fil-fatt f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri spjega li b’hekk billi jittaffa l-piż tal-kera fuq spazju ġdid industrijali mmirat għal tkabbir, ikun hemm iktar flus fil-but għal iktar investimenti u kif ukoll nifs għall-kumpaniji.
Spjega wkoll kif il-kumpaniji li jibbenefikaw minn din l-iskema huma dawk li jimpjegaw 100 ħaddiem jew inqas fuq kuntratt full-time u li ma jaqbżux turnover ta’ €10 miljun ewro fuq perjodu ta’ sentejn.
Il-Ministru Schembri sostna li l-kumpaniji li jintgħażlu jistgħu jibbenefikaw sa’ massimu ta’ €75,000 fuq perjodu ta’ 3 snin u li b’hekk jistgħu jkopru l-massimu ta’ nofs il-kirja tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li s-setturi eliġibbli huma dawk tat-tiswija ta’ makkinarju u apparat, tiswija ta’ vetturi, kumpaniji industrijali u dawk tal-manifattura.
Farrugia saħaq kif din l-iskema m’għandiex x’taqsam mal-miżuri relatati mal-Covid-19 u spjega li din hija applikabbli minn Frar 2020 sa Diċembri 2022.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise spjega wkoll li l-kumpaniji interessati huma obbligati jipprovdi informazzjoni dwar l-impjegar tal-ħaddiema u balance sheets fost oħrajn.