Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima jniedi Sejħa għall-Għotjiet ta’ Boroż ta’ Studju għall-2019 bl-intenzjoni li jkompli jikber l-investiment fl-Atleti Maltin li huma involuti fl-organizzazzjoni u l-immaniġjar ta’ inizjattivi sportivi.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li l-Gvern qed jaħdem b’mod konsistenti għall-promozzjoni tal-isport bħala Professjoni u Dixxiplina f’Malta. Kompla jgħid li permezz ta’ dawn il-boroż ta’ studju l-gvern qiegħed ikompli jinkoraġġixxi l-iżvilupp professjonali ta’ dawk kollha involuti fl-isport u fl-immaniġjar tal-qasam sportiv. Barra minn hekk qed ikomplu jiżdiedu l-persuni li jaħdmu fil-qasam sportiv u b’hekk inkunu qed insaħħu l-infrastruttura sportiva f’pajjiżna.
Din is-sena, l-iskema ta’ Għotjiet għall-Boroż ta’ Studju fil-qasam sportiv hija maqsuma f’żewġ kategoriji: dik tal-atleti ‘l fuq minn 11-il sena li jridu jwettqu programmi ta’ taħriġ; u l-kategorija tal-korsijiet akkademiċi relatati mal-isport li jinkludu l-Mediċina fl-Isports u Sports Business. Din is-sena ġie inkluż ukoll it-Turiżmu Sportiv fl-iskema.
Mill-2012 il-Gvern qassam total ta’ 100 għotja, 23 minnhom atleti, li jiffukaw fuq studji u taħriġ professjonali lokalment jew barra minn xtutna. L-assistenza pprovduta kkontribwiet kemm għal studji akkademiċi kif ukoll għal aktar taħriġ professjonali inkluż PhDs fil-mediċina sportiva, psikoloġija sportiva, korsijiet tal-immaniġjar fil-qasam sportiv, korsijiet ta’ kowċing u taħriġ sportiv f’diversi dixxipplini inkluż badminton, waterpolo u weightlifting.
Applikanti u partijiet interessati jistgħu isegwu r-regolamenti għal din l-iskema onlajn fuq myscholarship.gov.mt. L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi onlajn fuq l-istess sit sat-3 ta’ Lulju 2019.