Tnediet il-politika kulturali nazzjonali biex jissaħħaħ il-qasam udan ikun imħejji għal sfidi li jistgħu jinqalgħu fil-futur.
Fost il-prijoritajiet tal-politika, hemm dik li jiżdied l-istatus tal-artist u l-professjoni f’dawn l-oqsma u li titjieb l-edukazzjoni artistika.
Id-Direttur għall-Kultura Mario Azzopardi spjega li fost l-għodda li se jkunu kruċjali biex il-Gvern jimplimenta l-politika nazzjonali għall-kultura, hemm il-leġislazzjoni, il-finanzjament pubbliku li jappoġġja żvilupp kulturali u artistiku, u anke infrastruttura adekwata.
Azzopardi żied ukoll li l-politika għandha total ta’ 182 eżitu, li kollha jridu jiġu mplimentati fis-snin li ġejjin. Dawn se jidderieġu l-qasam lejn ġejjieni isbaħ li jsostnih. Xi ħaġa li sostniha magħna wkoll il-Ministru għall-Kultura José Herrera.
“Naħseb li dan id-dokument huwa eċċellenti u jħares ‘il qudiem għall-għaxar snin li ġejjin. Iħares lejn tliet pilastri, fosthom l-aċċessibbilta, għaliex huwa dritt fundamentali li jkollok aċċess għall-kultura. It-tieni hu li nagħtu vena internazzjonali lill-kultura Maltija.”
Dan apparti wkoll l-aħħar pilastru- li l-artist ikun fiċ-ċentru tal-qasam u tal-opportunitajiet li joffri, bħalma kien fil-qalba tat-tfassil ta’ din il-politika.
Il-Minstru Herrera qal li tul il-proċess kollu l-Gvern sema x’kellhom xi jgħidu l-professjonisti tal-qasam.
“Il-bżonn li l-Gvern jagħti aktar spazji lill-artisti fil-kreattività tagħhom imma jsostnihom finanzjarjament anke minħabba n-nuqqas tal-popolazzjoni.”