Il-Gvern nieda l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ sal-elfejn u tletin bit-tema ‘Maż-Żgħażagħ u għaż-Żgħażagħ’ – imsejsa fuq tmien għanijiet. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għaż-żgħazagħ Clifton Grima.
L-għan ta’ din il-politika huwa li tħares lejn iż-żgħażagħ b’mod individwali, u biex dawn jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li għall-gvern, iż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur, u qed jingħataw diversi opportunitajiet.
Qalet kif, “Hu dokument li jiġbor fih, id-direzzjoni, tmien punti strateġiċi li se jwassluna għad-disa’ snin li ġejjin, fejn tidħol il-politika taż-żgħażagħ. Dan id-dokument illi twassal mill-għeruq tiegħu stess, miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ stess.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li din il-politika se tiffoka wkoll fuq it-tibdiliet u l-opportunitajiet li hemm għaż-żgħażagħ.
Spejga, “Iż-żgħażagħ li huma parti importanti mhux biss tal-futur ta’ pajjiżna iżda fuq kollox, ta’ dak li huwa l-preżent tal-pajjiż tagħna u allura rajna din il-politika li nkitbet miż-żgħażagħ.”
Uffiċjal fil-Kunsill Nazzjonali għaż-Żgħażagħ, Gianluca Vella esprima s-sodisfazzjon li l-Kunsill ingħata opportunità biex iwassal leħen iż-żgħażagħ.
Qal, “Aħna bħala l-KNŻ sodisfatti bil-livell ta’ konsultazzjoni li saret f’din l-istrateġija, issa però nisperaw illi din ir-relazzjoni konsultattiva tkompli.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma qalet li l-politika nazzjonali turi kemm il-gvern iħares lejn iż-żgħażagħ b’mod pożittiv u bħala riżorsa tas-soċjetà.