Il-Gvern ippreżenta l-viżjoni soċjali tiegħu sas-sena elfejn u ħamsa u tletin, viżjoni li fil-qofol tagħha hemm il-benesseri ta’ kull wieħed u waħda li jiffurmaw is-soċjetà Maltija.
Din il-viżjoni hija msejsa fuq ir-realtajiet soċjali li għandu pajjiżna llum u tagħti direzzjoni lejn fejn is-soċjetà Maltija għandha tmur fil-futur.
Bit-tema “Insawru l-Futur tas-Soċjetà Tagħna”, din il-viżjoni tiffoka fuq ħdax-il tema ewlenija li jirrappreżentaw stadji differenti tal-ħajja u aspetti differenti tas-soċjetà. Dawn il-ħdax-il tema huma: il-faqar u l-esklużjoni soċjali; il-familji; it-tfulija; iż-żgħożija; l-anzjanità; l-abbuż mis-sustanzi, l-imħatri u mġiba oħra; l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ eks kriminali; il-persuni b’diżabilità; dawk li jidentifikaw bħala LGBTIQ+; il-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament; u l-migrazzjoni.
Id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru responsabbli mis-settur soċjali f’pajjiżna, Denise Fiorentino, spjegat li kull tema f’din il-viżjoni tagħraf l-isfidi eżistenti u tipproponi diversi miri biex titjieb il-ħajja tan-nies.
Hija tkellmet dwar il-miri ewlenin fejn jidħlu l-familji.
Qalet, “Ridna naħsbu li, l-ewwel ħaġa, nieqfu u naraw x’inhuma l-isfidi tal-familji tagħna llum u x’se jkunu l-isfidi tal-familji tagħna għaxra, ħmistax-il sena oħra, u b’hekk ipproponejna li jkun hemm policies li jindirizzaw il-forom differenti tal-familji, il-ħsieb ta’ ambjent fil-familji – kif nistgħu ntejbuh biex b’hekk il-kwalità tal-ħajja tal-familji f’dan il-każ, tkun aħjar fl-erbatax-il sena li ġejjin.”
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li din il-viżjoni tikkumplimenta l-istrateġiji eżistenti fl-istess waqt li toħloq inizjattivi li jirriflettu l-ambizzjonijiet tan-nies.
Innota li missjoni bħal din tista’ tkun kompluta biss jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed, u ħeġġeġ lil kull min hu interessat biex jagħti l-kontribut tiegħu u jħalli marka f’din il-viżjoni.
Qal, “Kien hemm ħafna konsultazzjoni interministerjali. Hija viżjoni ta’ fejn nixtiequ naslu, forsi ftit fit-tul. Qed nitkellmu sal-2035 imma importanti li ngħidu li din mhix tagħna bħala Ministeru imma hija ta’ kulħadd u, anz,i nistieden lil kull min jixtieq biex jagħmel il-kummenti u s-suġġerimenti tiegħu waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika.” Il-pubbliku huwa mistieden jaqsam il-ħsibijiet tiegħu b’imejl fuq info.rpod.family@gov.mt sat-tmienja ta’ Lulju li ġej.