Il-Gvern nieda l-istrateġija nazzjonali għal wara l-pandemija bit-tema ‘Sabiex Flimkien Nibnu Prosperità Ġdida’.
Strateġija maqsuma fi 12-il qasam tematiku u li fi ħdanhom jinkludu 114-il inizjattiva li joffru t-triq ‘il quddiem għal Malta t’għada f’dinja mibdula wara l-pandemija.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli mill-Istrateġija ta’ wara l-Covid-19, Owen Bonnici f’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Università antika ta’ Malta fil-Belt.
Fil-fatt ġie spjegat kif it-12-il qasam tematiku huma msejsin biex iwieġbu tliet domandi ewlenin.
Kif nistgħu ntejbu l-kwalità tal-ħajja, kif se nsostnu n-negozju u l-impjiegi u nixprunaw irkupru b’saħħtu u kif se nibqgħu reżiljenti u kompetittivi.
Sabiex jiġi assigurat l-implimentazzjoni tal-inizjattivi fi ħdan din l-istrateġija tħabbar li l-Kumitat ta’ tmexxija għall-istrateġija nazzjonali għal wara l-pandemija mmexxi mill-Professur Simone Borg ġie inkarigat mill-Kabinett tal-Ministri biex, id f’id mal-Uffiċċju tal-Kabinett u d-diversi Ministeri, jieħu ħsieb l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija.
Dwar dan ONE News tkellem mal-Professur Simone Borg innifisha hekk kif spjegat din l-istrateġija estensiva.
Hija qaltilna: “Dan jorbot ma ħafna aspetti mbagħad mal-Ministeri l-oħra u anke ma kif qed ngħidu s-soċjetà ċivili, il-partijiet soċjali rridu naraw dejjem kif se nagħmlu dan. Naħseb li tliet aspetti li wieħed irid jorbot fuqhom huma s-sostenibbiltà kemm ambjentali, ekonomika u soċjali, il-forward planning u s-sinerġija.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru responsabbli mill-Koordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-COVID-19, Owen Bonnici qal li l-inizzjattivi se jinbdew jew jiġu indirizzati, skont il-każ, fuq perjodu ta’ tliet snin.
Fil-fatt dwar dan spjega kif ġew individwati diġà l-Ministeri li huma inkarigati bl-implimentazzjoni tad-diversi inizjattivi skont il-portafolli rispettivi.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna: “Naħseb rridu nirrimarkaw li waqt li pajjiżi oħrajn għadhom għaddejjin bil-vaċċinazzjoni, għadhom għaddejjin jippruvaw isalvaw l-impjiegi aħna f’pajjiżna qed inħarsu lejn il-futur minn pożizzjoni ta’ saħħa għax qed nitkellmu dwar strateġija dwar il-futur u li ma ġietx b’kumbinazzjoni imma frott id-deċiżjonijiet għaqlin li ħa l-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern kollu.”
Dr Bonnici temm jgħid li fit-tfassil tal-istrateġija ġie ddedikat xahar sħiħ ta’ konsultazzjoni fuq l-oqsma tematiċi ewlenin li fuqhom tinbena l-istrateġija, apparti minn lista sħiħa ta’ laqgħat li saru mill-Kumitat ta’ Tmexxija għall-Istrateġija Nazzjonali għal wara l-pandemija ma’ diversi partijiet involuti ewlenin.