Tnediet strateġija għal perjodu ta’ ħames snin mill-Ministru responsabbli mis-saħħa, Jo Etienne Abela, bħala għodda importanti ħafna biex jiġu evitati każi ta’ suwiċidju f’pajjiżna. Din hi wkoll l-ewwel strateġija tax-xorta tagħha għal pajjiżna, li wkoll se tkun qed tgħolli l-prijorità tal-Gvern fejn tidħol is-saħħa mentali.
Is-suwiċidji huma problema sinifikanti u kumplessa għal kull pajjiż fid-dinja fejn hu stmat li jseħħu iżjed minn 700,000 persuna kull sena.
L-istrateġija lokali ġiet imfassla mis-Servizzi tas-Saħħa Mentali taħt I-awspiċi tal-Ministeru għas-Saħħa u għall-Anzjanità Attiva, f’kollaborazzioni ma’ partijiet konċernati minn diversi oqsma.
Fit-tnedija tagħha l-Ġimgħa filgħodu, ingħad li l-inklużjoni ta’ esperti b’esperjenza fil-proċess ta’ konsultazzioni saħħet ħafna t-tifsira u d-direzzjoni fejn irid imur il-pajjiż.
Il-konsultazzjonijiet saru wkoll ma’ professjonisti u aġenziji mill-oqsma tas-saħħa, il-benesseri soċjali, I-edukazzjoni, l-inforzar tal-liġi, il-midja u gruppi emarġinati pprovdew viżjoni komprensiva għal sforzi estensivi ta’ prevenzjoni mis-suwiċidju u interventi bikrin.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Abela qal li l-prevenzjoni tas-suwiċidju hi responsabbiltà kollettiva, li teħtieġ pjan komprensiv iffokat fuq is-soċjetà u b’kollaborazzjoni sħiħa.
“Hi importanti l-Gvern ikun impenjat li s-saħħa mentali jagħtiha dimensjoni ta’ prijorità aktar minn qatt qabel. Ovvjament ma tistax tħares lejn is-saħħa mentali mingħajr ma tikkunsidra sew ir-rata ta’ suwiċidji. Ħa nerġa’ ngħid ir-rata ta’ suwiċidji f’pajjiżna hi fost l-inqas fl-Ewropa, imma għall-Gvern dak mhuwiex biżżejjed. Aħna rridu li kemm jista’ jkun kull mewt mis-suwiċidju tiġi evitati bl-aħjar mod possibbli.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Il-Ministru għas-Saħħa kompla li din l-istrateġija ġiet żviluppata b’attenzjoni, iggwidata minn riċerka bbażata fuq evidenza xjentifika u b’mod partikolari mill-esperjenzi u n-narrattivi ta’ dawk affettwati mis-suwiċidju.
Fażi importanti fI-impenn tal-istess strateġija se jkun I-għoti ta’ kura integrata u ċċentrata fuq I-individwu biex jissaħħaħ I-aċċess għas-servizzi tas-saħħa mentali u jinkisbu I-aħjar riżultati.
Kif tħabbar diġà, il-Gvern għaddej bil-pjani tiegħu biex tiġi stabbilita Acute Psychiatric Unit ġdida fil-viċinanza tal-Isptar Mater Dei biex tkun tista’ tilqa’ individwi bi sfidi akuti ta’ saħħa mentali. Minbarra hekk, żona psikjatrika apposta fi ħdan id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei se tiżgura mmaniġġjar effiċjenti u xieraq ta’ każi simili ta’ emerġenza.
Għal aktar appoġġ, I-ispeċjalisti fil-mediċina tal-familja ngħataw is-setgħa li jordnaw mediċini anti-dipressanti u kontra l-anzjetà, waqt li se jirċievu taħriġ komprensiv biex jindirizzaw aħjar il-ħtiġijiet tas-saħħa mentali fil-komunità.
