Il-Gvern Ingliż tilef il-maġġoranza tiegħu fil-Parlament wara li l-Membru Parlamentari Dr. Phillip Lee mill-Partit tal-Konservattivi qasam il-kamra u poġġa fuq is-siġġijiet tal-Partit Liberali Demokratiku.
Deċiżjoni kruċjali quddiem il-vot tal-lejla mressaq minn Jeremy Corbyn sabiex iwaqqaf lir-Renju Unit milli jqatta’ l-karti minn mal-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim.
B’hekk b’Lee jaqleb fuq is-siġġijiet tal-Oppożizzjoni, il-Gvern immexxi minn Boris Johnson li ħa r-riedni tal-pajjiż wara r-riżenja ta’ Theresa May, tilef il-maġġoranza tiegħu fil-Parlament.
F’filmat ppublikat fuq is-sit The Guardian, il-Membru Parlamentari Lee jidher ipoġġi mal-Liberali demokratiċi waqt id-diskors ta’ Johnson.
Wara s-seduta Lee spjega l-motivazzjoni tiegħu wara s-sħubija mal-Oppożizzjoni.
Lee stqarr: “I came into politics because I wanted to make a positive difference. To leave a legacy for future generations and when you’ve got a Conservative administration tha is hell-bent on delivering a no-deal Brexit, I’m sorry that is just not in the best interests of future generations as far as I’m concerened. So I’ve moved to a party that has always been at the forefront of trying tp stop this nonsence and I’m very proud to do so”.
Lee ppubblika wkoll l-ittra li bagħat lill-Prim Ministru Johnson fejn permezz tagħha infurmah li se jtemm is-sħubija tiegħu mal-Partit Konservattiv.
Fl-ittra tiegħu Lee jtenni li l-Partit Konservattiv li serva u mmilita fih għal 27 sena inbidel għall-agħar taħt id-direzzjoni traskurata ta’ Johnson.
Huwa qal ukoll li l-Partit jinsab infettat b’marda ta’ populiżmu u nazzjonaliżmu Ingliż.