Il-pressjoni fuq il-Gvern Ingliż żdiedet, hekk kif saru akkużi ġodda fuq uffiċjali tal-Gvern Ingliż b’rabta ma’ żewġ festini oħra li saru nhar is-16 ta’ April tas-sena l-oħra.
Dawn saru fl-istess perjodu li fir-Renju Unit kien hemm restrizzjonijiet b’rabta ma’ numru ta’ persuni li jistgħu jiltaqgħu fi gruppi.
Dawn il-festini saru lejlet il-funeral statali tal-Prinċep Filippu.
Rapporti fil-midja Ingliża qalu li f’dawn il-festini kien hemm madwar 30 persuna.
Fil-fatt, f’wieħed minn dawn il-festini, l-eks direttur tal-komunikazzjoni tal-Prim Ministru Ingliż kien għamel diskors ta’ ringrazzjament lill-kollegi tiegħu, qabel telaq mill-kariga biex jibda fi rwol ġdid bħala deputat editur tal-gazzetta The Sun.
Intqal kif Boris Johnson ma kienx preżenti għal dawn il-festini li saru f’April.
Downing Street ma ċaħadx dawn l-akkużi ġodda.
Din l-aħbar ħarġet fost ir-rabja li diġà qed jaffaċċja l-Prim Ministru Ingliż, fost il-membri parlamentari mill-partit tiegħu stess, dwar l-aħbar li hu flimkien ma’ martu attendew għall-festin li sar f’Mejju tal-2020, meta l-kumplament tar-Renju Unit kien f’lockdown.