Bejn Jannar u Settembru ta’ dis-sena, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra surplus ta’ €3.1 miljun.
Meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, id-dħul rikurrenti żdied b’iktar minn €156 miljun, filwaqt li l-ispiża kibret bi kważi €210 miljun.
Skont ċifri ppublikati mill-NSO, fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, id-dħul ammonta għal iktar minn €3,128 miljun. Żieda ta’ aktar minn 5% fuq l-istess perjodu tal-2017.
Iż-żieda kienet riżultat ta’ dħul akbar mit-Taxxa tad-Dħul, tal-VAT u tas-Sigurtà Soċjali.
In-nefqa tal-Gvern fl-ewwel disa’ xhur tas-sena ammontat għal iktar minn €3,128.7 miljun. Żieda ta’ kważi €210 miljun fuq l-2017.
Dan filwaqt li l-ispiża ammontat għal iktar minn €209.7 miljun li kienet tfisser żieda ta’ €158 miljun fuq is-sena l-oħra.
In-nefqa fuq il-programmi u l-inizjattivi żdiedet b’€76 miljun li kienet tinvolvi €23 miljun f’benefiċċji tas-sigurtà soċjali, u €5.4 aktar fil-kura tal-kanċer. L-NSO qal ukoll li l-imgħaxijiet fuq id-dejn naqsu b’iktar minn €4 miljun.
Intant, l-ispiża kapitali tal-Gvern rat żieda ta’ €56 miljun fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra, u ammonta għal €266 miljun. Dan kien riżultat ta’ żieda fil-kostruzzjoni u titjib tat-toroq, fondi strutturali u fondi Ewropej. Sal-aħħar ta’ Settembru, id-dejn tal-Gvern naqas b’aktar minn €320 miljun fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet.