Il-Gvern huwa impjenjat li jiżgura aktar investiment fis-settur tal-avjazzjoni. Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Protezzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela meta żar il-kumpanija Medavia – Mediterranean Aviation ġewwa l-Park tal-Avjazzjoni f’Ħal Safi.
Il-Ministru Abela qal li dan se jkompli jsir permezz ta’ ħidma mill-qrib mal-intrapriżi privati biex jinħolqu iktar opportunitajiet ta’ xogħol. Semma wkoll li l-Gvern se juża’ r-relazzjonijiet diplomatiċi tajbin li għandu ma’ pajjiżi ġirien u oħrajn sabiex jinstabu postijiet ġodda għal kummerċ.
Il-kumpanija Medavia twaqfet madwar erbgħin sena ilu u timpjega madwar 100 persuna. Il-Ministru Abela kellu diskussjoni mat-tmexxija tal-kumpanija fejn flimkien tkellmu dwar it-tkabbir ta’ din il-kumpanija, kemm f’Malta u kif ukoll barra minn pajjiżna u tkellmu wkoll dwar l-isfidi għal futur. Il-Ministru Abela f’din iż-żjara kellu l-opportunita’ li jiltaqgħa mal-ħaddiema tal-kumpanija.