Matul il-Jum tal-Erbgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat, qal li l-Gvern jirrikonoxxi s-sofferenzi tal-koppji li għandhom problema ta’ infertilità u żied jgħid li jinsab kommess li ser ikomplu jittieħdu diversi miżuri favur dawn il-persuni.
Dan qalu waqt konferenza mtella’ mil-Malta Infertility Network fejn ġiet diskussa l-problema tal-infertilità fost il-Maltin.Intant fi Tweet, il-Prim Ministru kellu kliem ta’ sapport għal dawk kollha li għaddejjin minn din l-esperjenza u żied jgħid li ser ikunu qed jinbidlu l-liġijiet tal-IVF f’pajjiżna biex il-vjaġġ li jgħaddu minnu dawn il-koppji jkun wieħed iżjed feliċi.
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli, qasmet l-esperjenza personali tagħha ma’ dawk preżenti f’din il-laqgħa hekk kif hi ukoll kienet ser tiġi bżonn dan il-proċess. Hawn hi spjegat li ftit żmien biss qabel kien ser ikolla l-ewwel wild tagħha, hi wkoll kienet qed tikkunsidra l-IVF jew l-addozjoni.
Julia Farrugia Portelli stqarret li l-infertilita hija kundizzjoni medika għaldaqstant rimedju għaliha huwa dritt daqs kull kundizzjoni oħra. Hi żiedet tgħid ukoll li l-Gvern qed jaħdem qatiegħ biex itejjeb il-liġijiet tal-IVF u l-att legali dwar l-ifriżar tal-embrijuni sabiex ikunu iżjed aċċessibli u inqas restritti.