Il-Gvern ippreżenta l-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima aġġornat lill-Kummissjoni Ewropea.
Fi stqarrija mibgħuta mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija, intqal kif il-pjan iwassal għal tnaqqis totali ta’ 41% fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra meta mqabbel mal-livelli tal-2005 sal-2030 u dan minkejja li l-attività ekonomika llum hi ferm iktar milli kienet għoxrin sena ilu u mistennija tkompli tikber.
Pajjiżna se jara tnaqqis ta’ 77% fit-tniġġis mill-ġenerazzjoni tal-enerġija meta mqabbel mal-2005. Primarjament minħabba l-bidla mill-heavy fuel oil għall-gass u l-interkonnessjonijiet tal-elettriku, b’interconnector li tlesta fl-aħħar snin u ieħor mistenni jitlesta fis-snin li ġejjin. Se jkunu installati wkoll batteriji kbar fi proġett li hu l-ewwel tat-tip tiegħu biex l-enerġija rinnovabbli tintuża matul il-lejl ukoll.
Intqal kif Malta qed timpenja ruħha li żżid ukoll il-persentaġġ ta’ enerġija rinnovabbli għal madwar 25% tal-konsum tal-enerġija sas-sena 2030 u, b’hekk, jinqabżu miri li saru fil-passat. Għall-perjodu fit-tul, il-Gvern għadu kif ħareġ sejħa internazzjonali ambizzjuża għall-produzzjoni ta’ enerġija mir-riħ. Dan f’inizjattiva maħsuba biex tħalli l-frott għall-ġenerazzjonijiet futuri wkoll.
Is-settur tal-iskart, li diġà ra bidliet kbar, mistenni jara tnaqqis ta’ 59% fl-emissjonijiet meta mqabbel mal-livelli tal-2021. Dan permezz ta’ pre-sorting facilities, impjant għall-iskart organiku, sistemi ta’ estrazzjoni tal-gass biex l-iskart minflok jintrema fil-miżbla jiġi mibdul f’enerġija u l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Waste to Energy.
L-istqarrija żiedet tgħid kif hemm bżonn ta’ sforzi akbar fis-settur tat-trasport, li jirrappreżenta 37% tat-tniġġis ta’ Malta. Hawnhekk iċ-ċittadini se jkomplu jiġu inċentivati biex jaqilbu għal karozzi elettriċi, filwaqt li l-Gvern jibqa’ impenjati biex titjieb l-infrastruttura tat-toroq u jkun diskuss u implimentat pjan nazzjonali li jindirizza l-isfida tat-traffiku.
Ġie nnotat kif anke s-settur tal-kostruzzjoni jeħtieġ jagħmel bidliet biex ikun aktar sostenibbli, fejn il-Gvern qed jimmira li jappoġġja ċ-ċittadini u n-negozji fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-bidliet.
Dan jinkludi l-aġġornament tad-Dokument Tekniku F dwar l-effiċjenza tal-bini, feed-in tariffs, ħażna tal-enerġija fil-batteriji, heat pumps, boilers tax-xemx għall-ilma sħun, l-inizjattiva ‘Irrinova Darek’ imnedija mill-ġdid għall-familji, kif ukoll l-iskemi Smart and Sustainable għan-negozji. L-installazzjoni mandatorja ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fuq bini li jilħaq il-limitu massimu ta’ għoli u l-approvazzjonijiet prijoritarji wkoll se taċċellera il-bidla lejn enerġija aktar nadifa.
Dwar dan, il-Ministru responsabbli Miriam Dalli qalet kif il-pjan jirrappreżenta impenn trasformattiv biex insaħħu Malta aktar sostenibbli u reżiljenti.