Sa tmiem is-sena 2018, persuni ta’ 65 sena jew iktar kienu jagħmlu madwar 19% tal-popolazzjoni Maltija, skont stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Dan il-persentaġġ jirrifletti żieda ta’ 34,000 f’persuni li għandhom ’il fuq minn 65 sena meta mqabbel ma’ 10 snin ilu.
Dan għalhekk ikompli jixhed il-bżonn ta’ politika fit-tul li tindirizza sew il-kontinwità u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet. L-impenn tal-Gvern fl-aħħar snin kien li jkompli jsaħħaħ il-pensjonijiet filwaqt li ma jdaħħal l-ebda piż addizzjonali fuqhom.
Din l-istatistika tikkonferma li l-gvern qed jinvesti bla preċedent fil-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, ewlenija fosthom il-pensjonijiet. Fil-fatt in-nefqa totali matul is-sena 2018 kienet ta’ €560.4 miljun, li hija 5% aktar mis-sena 2017.
Aktar riżultati mill-istħarriġ jitfgħu dawl dwar kif iħossuhom jgħixu anzjani fl-età ta’ 65 sena u ikbar b’kuntrast ma’ dawk fl-età ta’ bejn 16 u 64 sena.
Aktar minn 80% tal-anzjani jgħixu kuntenti filwaqt li 75% urew li huma sodisfatti bil-qagħda finanzjarja tagħhom.
Minn total ta’ 82,000 anzjan, aktar minn 68,000 wieġbu li huma kuntenti l-ħin kollu jew għal ħinijiet twal jew kultant. Fl-istess kategorija, dawk f’etajiet iżgħar kienu jlaħħqu aktar minn 269,000 minn total ta’ 308,000.
L-istudju jagħti wkoll ħarsa lejn is-solitudni fost il-popolazzjoni. Ftit inqas minn 25 %, fost 82,000 anzjan stqarrew li jġarrbu d-dwejjaq tas-solitudni. Fost persuni ta’ bejn 16 u 64 sena l-persentaġġ kien ta’ madwar 15%.
Quddiem dawn ir-riżultati, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali se jibqa’ impenjat li jtejjeb il-qagħda soċjo-ekonomika tal-anzjani kollha speċjalment ta’ dawk l-iktar li għandhom bżonn għajnuna fl-immedjat.