Il-Prim Ministru, Robert Abela, afferma l-impenn tal-Gvern li jibqa’ sensittiv għall-ħtiġijiet tan-nies filwaqt li jirrikonoxxi li kulħadd ħaqqu t-tieni opportunità.
Huwa għadda dan il-messaġġ qabel ma inawgura uffiċjalment iċ-Ċentru Komunitarju tal-Caritas fil-Blata l-Bajda.
Il-Prim Ministru tkellem dwar kif dan iċ-Ċentru sar b’impenn soċjali minn bosta, fosthom anki l-Gvern, li alloka iżjed minn €2 miljun minn fondi Ewropej u €1 miljun oħra lill-Caritas Malta mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, il-fond li jamministra fl-aqwa interess tal-poplu l-fondi mill-programm ta’ residenza b’investiment.
Huwa qal ukoll li, bi ftehim mal-Caritas, is-sena d-dieħla l-Gvern qed jiddedika madwar €2.8 miljun biex il-Caritas tkompli bis-servizzi tagħha fiċ-Ċentru tal-Ibwar, fiċ-Ċentru New Hope f’San Blas, u f’Dar Chales Miceli.
“Lil hinn mill-ġebel u l-binja nnifisha, dan iċ-Ċentru Komunitarju huwa dar ta’ servizz għan-nies f’ambjent sabiħ,” qal il-Prim Ministru dwar iċ-Ċentru l-ġdid tal-Caritas, li joffri diversi servizzi fosthom dak ta’ outpatients għal persuni li jkunu għaddejjin mill-proċess ta’ rijabilitazzjoni mid-droga u appoġġ lil dawk bi sfidi ta’ saħħa mentali u problemi at’ użura.
Il-Prim Ministru sostna li l-appoġġ finanzjarju li ta l-Gvern biex binja abbandunata tinbidel f’ċentru ta’ servizzi komunitarji jixhed l-impenn soċjali li għandu u li qed ikompli jintwera bil-Budget li ressaq għas-sena d-dieħla, li huwa miżgħud b’miżuri li jindirizzaw l-isfidi ta’ nies b’realtajiet differenti.
Dawn il-miżuri jinkludu l-kumpens addizzjonali li se jagħti l-Gvern għall-familji vulnerabbli milquta mill-għoli tal-ħajja, l-għajnuna ta’ €10,000 fuq għaxar snin lill-first-time buyers, u ż-żiediet lill-pensjonanti u fiċ-children’s allowance.
“Dan iċ-ċentru huwa tassew xhieda ta’ pajjiż fejn il-valur tar-ruħ soċjali għadu b’saħħtu,” irrimarka l-Prim Ministru, filwaqt li afferma mill-ġdid l-appoġġ li l-Gvern irid jibqa’ jagħti lis-settur tal-volontarjat, aspett ieħor importanti f’ħidmet il-Caritas.
Filwaqt li għamel kuraġġ lil dawk kollha li qed jirċievu l-għajnuna mill-Caritas, Dr Abela feraħ lill-Caritas u lill-Knisja f’Malta għal dan il-proġett ta’ fejda u saħaq li pajjiżna irid jibqa’ jsostni u jgħin lil min jiflaħ l-inqas.