“M’hemm l-ebda reżistenza. Għandna impenn bħala gvern, li l-mistoqsijiet li għandhom il-familja ta’ Nicolette Ghirxi jridu jingħataw tweġiba għalihom.” Sostna dan il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard f’intervent fuq RTK Radio meta mistoqsi rigward il-possibbiltà ta’ reżistenza mill-gvern biex tinfetaħ inkjesta pubblika.
Il-Ministru Attard tkellem dwar l-aspett uman u stqarr li f’dan il-mument ebda kliem ma jista’ jsabbar jew jirrifletti t-tbatija li tkun għaddejja minnha l-familja tal-vittma.
Il-Ministru Attard saħaq li wara li ġie avviċinat mill-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru Byron Camilleri u l-Ministru Michael Falzon, iltaqgħu u wassalu l-messaġġ li kienu u għadhom fuq in-naħa tagħhom u li huma kienu se jagħmlu minn kollox biex jingħataw ir-risposti għall-mistoqijiet li jridu jiġu mwieġba min-naħa tagħhom.
Il-Ministru Attard fakkar li hemm inkjesta Maġisterjali, oħra fi ħdan il-Korp tal-Pulizija mmexxija mill-Imħallef Valencia u oħra maħtura mill-Ministru Falzon li qiegħda titmexxa mill-Imħallef Lawrence Quintano biex jinvestiga fatturi u ċirkostanzi marbuta mal-każ u saħansitra stiednu lill-familja biex jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom fuq aspetti li jaħsbu li għandhom jiġu mistħarrġa.
“Taf li jien għandi kull rispett lejn il-midja u npoġġi ruħi għad-dispożizzjoni tagħha, imma nemmen li dawn id-diskussjonijiet jinżammu kunfidenzjali, mhux għax hemm x’wieħed jaħbi, iżda b’rispett lejn il-vittma, il-familjari tagħha u anke b’rispett lejn il-professjonisti li b’xi mod jew ieħor huma involuti f’dan il-proċess. Jiena fil-fehma tiegħi l-professjonalità hekk titlob, iżda jidher li mhux kulħadd qed jieħu dak l-approċċ u ċertament mhux qed ngħid għall-familjari u minn hawnhekk nibgħat is-simpatija tiegħi lejhom.
Il-Ministru Attard temm jgħid li l-gvern iltaqa’ mal-familja u ma waqafx hemm hekk kif fil-jiem li ġejjin il-Gvern ser ikun qed ikompli b’ dawn id-diskussjonijiet, fejn il-Prim Ministru Robert Abela diġà tenna li ser ikun qed jiltaqa’ magħhom personalment.
Fir-reazzjoni tiegħu l-avukat tal-familja Dr Joseph Borda qabel mal-Ministru Dr Jonathan Attard rigward il-ħtieġa li toħroġ il-verità, iżda żied jgħid li l-familja tixtieq inkjesta fuq livell aktar wiesgħa fejn kollox ikun fil-miftuħ.