F’seminar imtella’ mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol l-OHSA, bit-titlu ‘Postijiet tax-xogħol li jġibu ’l quddiem is-saħħa f’kull età’, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet dwar l-importanza li l-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti tul il-ħajja.
Il-Ministru Dalli semmiet kif f’pajjiżna qed naffaċċjaw sitwazzjoni fejn il-work force qiegħda dejjem tikber fl-età kif qed jiġri f’pajjiżi oħra.
“Bħala gvern kommessi li nindirizzaw din il-kwistjoni għaliex nemmnu li dan iwassal għal titjib fis-saħħa tal-ħaddiema kif ukoll għal titjib fil-produttività” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern qed jaħdem ukoll biex tispiċċa d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età. F’dan ir-rigward semmiet kif issaħħu s-servizzi ta’ rijabilitazzjoni għal dawk il-persuni li jkunu sofrew minn inċident jew xi diżabilità fuq il-post tax-xogħol biex jerġgħu jibdew jaħdmu malajr kemm jista’ jkun. Issaħħu wkoll is-servizzi ta’ inklużjoni soċjali, partikolarment fuq il-post tax-xogħol.
Il-Ministru Dalli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li l-OHSA se tkun qed iżżid is-servizzi tagħha fejn jidħol rappurtaġġ u rikonoxximent ta’ mard relatat max-xogħol. Dan permezz ta’ twaqqif ta’ ċentru li se jservi bħala focal point kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem u għat-tobba.
Dalli enfasizzat l-importanza ta’ livell għoli ta’ saħħa u sigurtà, prevenzjoni ta’ inċidenti relatati max-xogħol kif ukoll prevenzjoni ta’ problemi ta’ saħħa u mard relatat max-xogħol matul il-ħajja professjonali kollha. Bl-istess mod, fakkret fil-ħtieġa li ssir l-evalwazzjoni tar-riskju li tkun sensittiva għad-diversità bejn l-individwi.
Is-seminar ittella’ b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u jifforma parti mill-kampanja Ewropea “Healthy Workplaces for All Ages” bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar il-bżonn ta’ inklużjoni tal-ħaddiema ta’ etajiet differenti, sew żgħar kif ukoll dawk avvanzati u b’esperjenza.