Waqt l-intervista li ta fuq One Radio dalgħodu, il-Prim Ministru ddedika parti sostanzjali mill-ħin tiegħu biex jindirizza t-tħassib f’ċerti lokalitajiet dwar kunfitti li ġieli jinħolqu b’rabta mal-preżenza ta’ komunitajiet ta’ nies mhux Maltin.
Il-Prim Ministru qal li n-nies iridu Gvern li jkun magħhom u li joffrilhom is-soluzzjonijiet, u dak hu li se jkun qed jagħmel il-Gvern immexxi minnu.
Saħaq li dan mhux suġġett li dwaru wieħed għandu jkun sensazzjonali jew populist, u li wieħed qatt m’għandu jinsa li involuti hemm dejjem bnedmin. F’dan il-kuntest, il-Gvern huwa ddeterminat li jindirizza s-sitwazzjoni.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed jaħdem fis-skiet filwaqt li jitkellem mar-residenti, mal-kunsilli lokali, mal-komunità kummerċjali, u mal-pulizija biex is-soluzzjonijiet meħtieġa jinstabu.
Huwa qal li s-soċjetà tagħna ilha tinbidel tul is-snin. L-immigrazzjoni iregolari kienet sfida u se tibqa’ minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħna. Hemm ukoll numru ta’ nies oħrajn li ddeċidew li jiġu f’pajjiżna biex jaħdmu. Dawn tal-aħħar huma meħtieġa f’oqsma bħal dak tas-Saħħa u biex l-ekonomija tkompli tissaħħaħ sabiex jibqa’ jkollna kwalità tal-ħajja dejjem aħjar. Hemm ukoll it-turisti li qed jiżdiedu.
Il-funzjoni tal-Gvern hi li l-entitajiet kollha li b’xi mod huma involuti jkollhom ir-riżorsi meħtieġa. Huwa saħaq, madanakollu, li l-preżenza f’pajjiżna ta’ nies mhux Maltin qatt m’għandha tinbidel f’xi ġlieda bejn “aħna” u “huma”. Filwaqt li rrimarka li dawk li joffru sfida liż-żamma tal-bonordni huma kemm barranin kif ukoll Maltin, il-Prim MInistru rrikonoxxa li hemm lokalitajiet li għandhom sfidi, realtajiet, u pressjonijiet partikulari għalihom, u li jridu jiġu indirizzati.
Huwa kkritika lill-Oppożizzjoni dwar kif qed taġixxi, u osserva li nqasmet fi tnejn anki dwar din il-kwistjoni, b’żewġ esponenti li jitkellmu b’mod għal kollox differenti. B’differenza, il-Gvern dejjem kien konsistenti.
Il-Prim Ministru tenna li se tittieħed azzjoni dwar il-lokalitajiet li jħossuhom l-aktar milqutin mill-pressjoni kkaġunata mill-immigrazzjoni irregolari.
Huwa qal li din il-ħidma kollha trid issir b’sinerġija bejn il-Gvern u l-partijiet kollha involuti. Id f’id ma’ dan tmur ir-riġenerazzjoni, li se tkompli għaddejja. Zgur li l-Gvern ma jridx li jkun hawn skontri bejn partijiet differenti tal-komunitajiet tagħna.
Huwa qal ukoll li, dwar l-immigrazzjoni irregolari, il-Gvern ħadem qatigħ biex kemm jista’ jkun it-tluq jitwaqqaf fuq ix-xtut tal-pajjiżi minn fejn jitilqu l-migranti. Ra wkoll li din il-kwistjoni tingħata l-importanza li jixirqilha mill-Unjoni Ewropea.
Sostna li l-Gvern dejjem fehem li qed jittratta ma’ bnedmin li, min b’mod u min b’ieħor, qed ibatu.
Huwa qal li, filwaqt li l-Gvern baqa’ jaħdem biex dejjem isib l-aħjar soluzzjonijiet skont iċ-ċirkustanzi, l-Oppożizzjoni sfruttat dawn l-isfortuni għall-gwadann politiku tagħha. Huwa fakkar li, taħt il-pressjoni tal-eqqel tal-pandemija, meta l-Gvern kellu jħares l-interess nazzjonali, l-Oppożizzjoni marret il-Qorti u fetħet proċeduri kontra l-Gvern u kontra l-Armata – kawża li għadha pendenti. B’kuntrast, meta l-Gvern kien ikun qed isalva xi dgħajsa bl-immigranti, l-Oppożizzjoni kienet tuża l-istazzjonijiet tagħha biex tipprova toħloq element ta’ skuntentizza fost in-nies.
Fakkar li l-Gvern bidel il-liġi biex immigranti irregolari li ma jkunx jimmeritahom li jingħataw l-ażil f’pajjiżna u jkunu ġejjin minn pajjiżi meqjusin sikuri, jintbagħtu lura. Twaqqaf ukoll l-abbuż mill-istejtus ta’ refuġjat u mill-permess ta’ residenza li jingħata minn Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea.