Il-Gvern Malti laqa’ b’impenn l-għaxar edizzjoni tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja, ippubblikata l-Ħamis mill-Kummissjoni Ewropea. Dan ir-rapport ġenerali annwali tal-Unjoni Ewropea jagħti ħarsa stabbilita li tipprovdi dejta komparattiva dwar l-effiċjenza, il-kwalità, u l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri.
B’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard spjega l-ħidma tal-Gvern sabiex jimplimenta bosta riformi u b’hekk ikompli jsaħħaħ il-qasam ġudizzjarju ta’ pajjiżna.
Qal, “Bħala Gvern nilqgħu dan ir-rapport b’impenn, li joħroġ mill-fatt li għandna programm ta’ ħidma – manifest elettorali – illi jagħtina l-opportunita li nwettqu numru ta’ riformi li jindirizzaw l-isfidi li għandna quddiemna f’dan is-settur. Ir-riformi huma kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-infrastruttura neċessarja, in-neċessita li jkollna aktar nies li jagħtu s-sehem tagħhom fil-proċess ġudizzjarju ta’ pajjiżna, però wkoll il-ħtieġa li nkomplu nimmodernizzaw il-liġijiet tagħna b’tali mod li jkunu inqas repetittivi u aktar effiċjenti – bl-ewwel prijorità għalina tkun dwar dak li għandu x’jaqsam mal-kumpilazzjonijiet u l-impjiegi.”
It-Tabella ta’ Valutazzjoni ta’ din is-sena tinkludi wkoll dejta dwar l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji, kif ukoll dwar l-aċċessibbiltà għall-ġustizzja għall-persuni b’diżabilità u b’dimensjoni kummerċjali msaħħa.
Ir-rapport, li jibbaża fuq informazzjoni mis-sena meta faqqgħet il-pandemija, jiġifieri l-elfejn u għoxrin, juri kif minkejja li l-operat tal-Qrati ta’ Malta ġie affettwat, pajjiżna xorta kiseb riżultati pożittivi.
Dan b’referenza għall-fatt li, meta wieħed iqabbel mal-elfejn u dsatax, Malta rreġistrat tnaqqis fl-għadd ta’ każijiet pendenti fiċ-ċivil u dawk kummerċjali, filwaqt li kien hemm tnaqqis ukoll fil-proċeduri ġudizzjarji fejn jidħol il-ħasil tal-flus.
F’din is-sena, Malta, bħal ħafna mill-Istati Membri l-oħra, irreġistrat ukoll żieda fit-tul tal-proċedimenti.
Malta rat punteġġi pożittivi fejn tidħol id-diġitalizzazzjoni u s-settur ġudizzjarju. Ġie nnutat li l-Qrati Maltin esperjenzaw tisħiħ fit-teknoloġija diġitali. Saret ukoll eferenza għall-fatt li wieħed jista’ jaċċessa s-sentenzi tal-Maġistrati u l-Imħallfin onlajn.
Ta’ min isemmi wkoll kif, fl-2021, pajjiżna nieda l-Istrateġija Diġitali għall-Ġustizzja, li hi mmirata apposta sabiex il-Qrati jkomplu bit-tranżizzjoni diġitali.
Intant, stħarriġ tal-Ewrobarometru kien wera kif 70 fil-mija tal-Maltin u 65 fil-mija tal-kumpaniji jemmnu li l-istituzzjonijiet ġudizzjarji ta’ pajjiżna huma indipendenti.