Is-sit Lovin’ Malta faħħar l-azzjonijiet li ħa l-Gvern fil-kwistjoni tal-Y Plates, fejn instab li mhux biss il-provvista kienet akbar mid-domanda, iżda wkoll kienu qed isiru diversi abbużi mill-operaturi kemm fil-ħlasijiet dovut minnhom, bħall-VAT, kif ukoll mill-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Wara li, fl-2010, ġew introdotti r-Regolamenti dwar is-Servizzi tat-Taxis biex jiġi stabbilit il-qafas għall-operazzjonijiet, inklużi l-permess għal-liċenzji u l-istandards tas-servizz, l-inforzar tagħhom ma kienx effettiv.
Maż-żmien, iż-żieda tal-vetturi bil-Y Plates ikkomplikat l-affarijiet kemm bl-ammont ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi li kienu qed jiġu impjegati bl-addoċċ u l-kundizzjonijiet tagħhom, imma anke aktar riċenti b’każi li nstabu ta’ evażjoni tat-taxxa ta’ madwar €3 miljun mill-operaturi.

Bir-regolamenti li ddaħħlu fl-2023, il-Gvern Laburista waqqaf l-importazzjoni ta’ iżjed ħaddiema wara studju li wera li kien hawn biżżejjed fis-settur, iżda wkoll inforza r-regola li vetturi tal-Y Plates irid ikollhom garaxx irreġistrat fejn jinżammu ma jkunux qegħdin joperaw.
Sa Jannar li għadda, jirriżulta li Transport Malta kienet diġà neħħiet mad-900 vettura tal-Y Plates mit-toroq tagħna, għax ma kinux konformi mar-regolamenti, filwaqt li waqfet 500 oħra li ma kinux qed jinżammu ggaraxxjati.
B’tali azzjonijiet, fejn il-Gvern qabad il-barri minn qrunu, il-Lovin’ Malta faħħret id-deċiżjonijiet politiċi waqt li l-amministrazzjoni tkompli tieħu l-azzjonijiet neċessarji bla ebda impatt fuq l-industrija turistika, waqt li jiġu salvagwardjati x-xogħlijiet tal-impjegati f’dan is-settur tat-trasport.