F’kumment ma’ ONE News dwar ix-xogħlijiet fi triq Alfred Cachia Zammit fiż-Żejtun, il-Ministru Ian Borg qal li l-Gvern jinsab imdejjaq ukoll dwar id-dewmien fix-xogħol u għalekk bħalissa qed issir ħidma biex kemm jista’ jkun malajr dawn ix-xogħlijiet jaslu fi tmiemhom. Borg spjega kif il-Gvern ma nesiex l-anqas l-inkonvenjent li seta’ inħoloq kawża tax-xogħolijiet fi Triq Alfred Cachia Zammit li fi kliem Ian Borg, huwa ta’ diżappunt għal dawk kollha li jkunu ilhom snin twal jistennew biex issir it-triq.
Il-Ministru spjega kif hu tkellem mal-Ministru Joe Mizzi u sostna kif il-Korporazzjoni tal-Ilma waslet lejn l-aħħar tax-xogħol tagħha u kif it-Trasport Malta qed taħdem biex iżżid ir-ritmu.
Qal li hu jifhem id-dwejjaq tar-residenti, mhux biss ta’ Triq Alfred Cachia Zammit iżda anke dawk fiż-żona tal-Qajjenza u Marsaxlokk, li għaddejjin xogħlijiet oħra, kif ukoll anke dawk fi Triq Xarolla fiż-Żurrieq fejn kien hemm sejba ta’ oqbra u fdalijiet storiċi.