Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li bl-istqarrijiet tal-aħħar sigħat l-Oppożizzjoni qed tipprova tinġabar wara li fil-Parlament inkixfet kif lanqas biss kienet konxja li kien approvat Att Dwar il-Klima erba’ snin ilu anke jekk kienet ivvotat favurih u liema liġi fil-prattika hija dikjarazzjoni ta’ emerġenza jew kriżi klimatika.
Fil-Parlament, il-Gvern wera li l-kwistjoni tal-bidla fil-klima hi fuq nett tal-aġenda tiegħu. Għax hu hekk il-Gvern ressaq numru ta’ emendi għal mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex il-Parlament mhux biss biss jerġa’ jirriaferma l-fatt li teżisti emerġenza dwar il-bidla fil-klima, iżda jirrikonoxxi l-ħidma li qiegħda u għad trid issir.
Għax il-kawża li saret il-mozzjoni dwarha hija tajba, l-Oppożizzjoni pretendiet li ħadd ma jiskrutinizza l-kontenut ta’ dak li preżentat quddiem l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Iżda, biex dak approvat jittieħed bis-serjetà u jkun effettiv irid ikun riċerkat, fattwali u fuq kollox imsejjes fuq pjan għall-ġejjieni. Għalhekk il-Parlament se jkun mitlub jivvota favur mozzjoni li tirriaferma l-emerġenza iżda tmur lil hinn minn hekk.
Il-Gvern għandu pjan ambizzjuż quddiem din l-isfida u għandu wkoll il-kredibbiltà li jwettqu. Kif wara kollox wera l-budget li tressaq nhar it-Tnejn, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.