B’dak imħabbar dalgħodu mill-Gvern, għal darba oħra qed jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema u qed isir investiment fil-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista fejn qal li dan filwaqt li jibqgħu jkunu salvagwardjati l-impjiegi f’mument ta’ taqlib internazzjonali.
Il-Partit Laburista spjega kif dak imħabbar dalgħodu jfisser ukoll li l-Gvern implimenta wegħda oħra tal-Partit Laburista, proprju il-wegħda 175 tal-manifest elettorali.
B’hekk l-ewwel ġimgħat tal-ewwel mandat ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru qed jibqgħu mmarkati minn impenn qawwi biex ikunu implimentati l-wegħdiet elettorali.
Il-PL qal li l-implimentazzjoni ta’ wegħda bħal din mhux biss kienet tfisser konsultazzjoni wiesgħa, iżda wkoll għaqal fil-mod kif se tkun implimentata.
Huwa tenna li huwa għalhekk li l-Gvern saħansitra qed jgħin direttament fl-implimentazzjoni totali tagħha fl-ewwel perjodu tagħha.
Sostna li l-Gvern għandu track record b’saħħtu fejn jidħol il-ħarsien tal-impjiegi u l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema.
Temm billi qal li f’pandemija salva l-impjiegi b’miżuri bla preċedent, waqt gwerra qed iħares lill-familji mill-impatt bħal miżuri biex jilqa’ għal prezzijiet tal-enerġija, fost oħrajn.