Il-Gvern talab il-parir tal-Kummissjoni Venezja dwar emenda legiżlattiva li hemm bżonn biex jibqa’ jissaħħaħ id-dritt ta’ smigħ xieraq kif imħares taħt il-Kostituzzjoni ta’ Malta, b’mod li jikkumplimenta wkoll l-istes dritt kif imħares taħt il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Fi stqarrija l-Gvern fakkar li fl-aħħar xhur ressaq żewġ proposti quddiem il-Parlament: b’abbozz tal-liġi li jemenda l-Kostituzzjoni u abbozz li jemenda l-Att ta’ Interpretazzjoni. Dan biex jissaħħu l-awtoritajiet supervisorji u l-garanzija li dawn jipprovdu dritt ta’ smigħ xieraq.
Dawn huma wkoll uħud minn bidliet li qed isiru mill-amministrazzjoni tal-Prim Minsitru Robert Abela biex jissaħħu l-governanza u s-saltna tad-dritt.
Il-Gvern innota wkoll kif l-Oppożizzjoni ħarġet qatta bla ħabel kontra ż-żewg abbozzi ta’ liġi, u jemmen li jekk jiġri dak li qed tagħti x’tifhem li trid l-Oppożizzjoni, tkun imxekkla l-effettività tal-awtoritajiet regolatorji ta’ pajjiżna.
Il-Gvern temm jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni Venezja fehmet l-importanza ta’ din ir-riforma u laqgħet l-istedina tal-Gvern biex tipprovdi opinjoni dwar is-suġġett. Il-Gvern appella lill-Oppożizzjoni biex turi l-istess sens ta’ rieda ġenwina għal soluzzjoni bil-għan li l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet supervisorji ta’ pajjiżna jkomplu jissaħħu.