B’inizjattiva li ġiet varata din is-sena mill-Ministru għas-Saħħa, 44 mara li kien ilhom aktar minn ħames snin li għaddew minn kanċer tas-sider, qed ikollhom check ups regolari għand it-tabib tal-familja tagħhom, bil-Gvern iħallas għal dan is-servizz.
B’inizjattiva simili oħra, wkoll mat-tobba tal-familja, kien hemm 39 pazjent li ġew fast tracked għal testijiet l-isptar wara suspett ta’ kanċer fil-musrana.
Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari mid-Deputat Laburista, Luciano Busuttil.
F’kumment li ta l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, qal li f’pajjiżna fil-qasam tas-saħħa għandna riżors kbir ħafna, dak tat-tobba tal-familja. Huwa qal li dawn iż-żewġ miżuri u oħrajn simili jgħinu biex il-pazjent jingħata l-aħjar servizz f’kull stratta tas-settur tas-saħħa. Min-naħa l-oħra għandhom l-għan ukoll li jagħtu aktar għodod neċessarji biex it-tabib tal-familja jkollu post aktar ċentrali fil-kura tas-saħħa.