Il-Gvern ser ikun qed iħallas il-parti l-kbira tal-interessi fuq self li negozji jieħdu mill-banek għall-ewwel sentejn.
Dan hekk kif f’konferenza stampa indirizzata mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari għas-servizzi finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali, Clayton Bartolo, tħabbar li l-Gvern ser ikun qed jissusidja 2.5% tal-interessi bin-negozju jħallas biss il-kumplament.
Din il-miżura ser tapplika għall-ewwel sentejn minn meta jinħareġ dan is-self. Dan ifisser li l-Gvern ser ikun qed iħalli mal-erbgħin miljun ewro fil-bwiet tan-negozji Maltin.
Il-Ministru Scicluna stqarr li din il-miżura ser tħalli sitwazzjoni li fuq l-maġġoranza tas-self, in-negozji lanqas biss ser ikunu qed iħallsu interessi.
“In-negozji ser ikunu jistgħu jisselfu b’rata baxxa li f’każijiet tiġi għal zero. Ħa nkunu ċari, jiġifieri, ir-rata li qed jgħati l-Gvern, l-garanzija li qed jagħti l-Gvern, meta tagħmilhom flimkien, għandna nwasslu u dik hija x-xewqa tagħna, li ħadd ma jħallas imaxijiet fuq dak is-self ġdid tal-Covid.” Stqarr il-Ministru Scicluna.
Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo spjega li l-Gvern qed jara wkoll li titnaqqas il-burokrazija f’dan iż-żmien hekk kif il-benefiċċjarji ta’ din il-miżura jridu biss jitkellmu mal-banek tagħhom sabiex jibdew jibbenefikaw.
Is-Segretarju Parlamentari Bartolo qal, “Sabiex in-negozji, sabiex is-self employed ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan is-sussidju, għandhom jitkellmu mal-banek rispettivi tagħhom, sabiex huma jkunu jistgħu anke jaċċedu għalih, għal din il-faċilità minn hemmhekk. U tajjeb niċċara li sabiex wieħed jibbenefika minn din l-għajnuna irid jgħaddi wkoll mill-eligibility criteria li jkollhom il-banek fuq il-klijenti tagħhom.”
Din il-miżura waslet wara l-introduzzjoni tal-moratorju tal-banek li huwa miftuħ lil dawk in-nies li żammew mal-pagamenti tagħhom iżda li għal xi raġuni intlaqtu mill-imxija tal-Covid-19.
Huwa spjega kif twaqqfet ukoll l-iskema ta’ garanzija sabiex il-banek ikunu jistgħu jagħtu self lin-negozji sabiex ikunu assigurati l-pagi tal-ħaddiema, ħlas għal-materjal u stokk, kirjiet tal-postijiet minn fejn isiru n-negozji u ħlas ta’ kuntratti li ġew sospiżi jew kanċellati.
Il-Ministru Scicluna nnota li dan kollu qed jitħabbar f’kuntest li l-Fond Monetarju Internazzjonali kien pożittiv ħafna għall-fatt li pajjiżna preżenta sensiela ta’ miżuri biex ikun ta’ spalla għall-ħaddiema u n-negozji f’dan iż-żmien ta’ sfida.