Il-Gvern ħabbar strateġija li se tkompli tgħin twassal lejn ekonomija ħielsa mill-karbonju f’pajjiżna sas-sena 2050.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-fatt ġie spjegat kif l-istrateġija għall-iżvilupp ta’ livell baxx tal-karbonju tagħti prijorità lill-iktar miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn diversi setturi fosthom dawk tal-enerġija, bini, trasport, industrija, skart, agrikoltura u ilma.
Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia fl-indirizz tiegħu elenka wħud minn dawn il-miżuri.
Dawn jinkludu, Trasport Pubbliku bla ħlas estiż, elettrifikazzjoni ta’ vetturi u pjan ta’ introduzzjoni għall-installazzjoni ta’ charging points pubbliċi għall-vetturi elettriċi, elettrifikazzjoni tal-flotta tal-Gvern, elettrifikazzjoni tat-trasport pubbliku u miżuri li jikkonċernaw Active Transport u Remote Working.
Dan flimkien ma’ investiment f’pannelli fotovoltajiċi, inċentivi għal aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija fosthom solar water heaters u heat pumps, skema ta’ appoġġ għas-servizzi u l-industrija, skemi għal rinnovazzjoni profonda bħal dawk f’bini pubbliku, separazzjoni minn qabel għall-iskart, ġbir ta’ bijoskart u miżuri ta’ prevenzjoni tal-iskart.
Quddiem din l-istrateġija, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li dan kollu jiddependi fuq erba pilastri prinċipali.
Qal, “Dan kollu jorbot ma’ erba’ affarijiet. L-ewwel, il-livell internazzjonali li pajjiżna huwa ovjament parti minnhu, tnejn it-teknoloġija kemm ħa tkun aktar fast minn dik li għandna llum il-ġurnata, il-price parity bejn karozzi konvenzjonali u karozzi elettriċi u fl-aħħar mill-aħħar il-finanzi tal-Gvern li ovjament waqt il-Covid-19 infaqna ħafna u investejna ħafna fin-nies u issa naraw kif se ninvestu fiż-żmien li ġej.”
Huwa temm jgħid ukoll li t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika u ħielsa mill-karbonju għal Malta se tagħti l-frott fil-futur qrib, fejn il-Gvern se jkompli jinvesti sostanzjalment fil-proċess biex jiżgura li kulħadd huwa parteċipi f’dan il-proċess.
Min hu interessat huwa mistieden jissottometti l-kummenti tiegħu dwar l-istrateġija fuq consultations@mecp.org.mt, sa mhux aktar tard mit-13 ta’ Lulju.