Il-Gvern ħabbar roħs fil-prezz ta’ 42 mediċina oħra li diġà hija disponibbli fis-suq lokali, li jkopru diversi kundizzjonijiet bħall-pressjoni għolja, cholesterol u anke ansjetà.
Fl-istess ħin, is-suq Malti se jara l-introduzzjoni ta’ 29 mediċina ġenerika, li se tidħol fis-suq bi prezz sa 73% orħos.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Insaħħu l-Ħaddiem, indirizzata mill-Ministru għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista. Hawn tħabbar ukoll li se jkunu intorodtti disa’ prodotti mediċinali ġodda fis-suq, li huma meqjusa aktar konvenjenti għal xi pazjenti.
Is-Segretarju Parlamentari Debattista qal li l-pazjent kien dejjem fiċ-ċentru tal-operat tal-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini, li tistudja u tagħmel dawn il-mediċini disponibbli, anke fi sfond ta’ sfidi bħall-pandemija u Brexit.
Saħaq li din hija t-tieni darba din is-sena li qed jitħabbar roħs fil-prezzijiet tal-mediċini, u bi tnaqqis li jlaħħaq id-59%, din id-darba raħas l-akbar ammont ta’ mediċini.
Huwa qal, “Hemm mediċinali li huma aktar speċifiċi, li jintużaw għall-mard tal-għajnejn pereżempju, fejn minn €1,300 għal injezzjoni, raħset għal €844, differenza ta’ €455. Għall-HIV, niżlet minn €95 għal €56.”
Il-Ministru Clayton Bartolo qal li mill-2013 s’issa, il-Gvern raħħas il-prezz ta’ 308 mediċini u introduċa fis-suq 226 mediċina ġenerika.
Huwa temm jgħid li l-Gvern se jkompli jipprijoritizza saħħet il-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Ministru Bartolo sostna: “F’pajjiżna għandna Awtorità li qed tħares b’mod proattiv lejn kif il-konsumatur jista’ jkollu mediċini aktar aċċessibbli u affordabbli. Dan hu importanti biex ngħinu u ngħollu l-livell ta’ għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi, biex ikollu għażla wiesgħa bi prezzijiet ġusti.”