Il-Gvern ħabbar riforma fis-sistema tal-kumpilazzjonijiet u t-tneħħija tal-proċess tar-rinviji fil-qasam tal-ġustizzja kriminali. Riforma li tnediet ukoll għall-konsultazzjoni pubblika.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ indirizzata mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Imħallef Emeritu u Kummissarju tal-Liġijiet Antonio Mizzi.
Fid-diskors tiegħu, l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi spjega l-proposti ewlenin f’din ir-riforma, li tassigura mhux biss li l-ġustizzja issir u tidher li qed issir, imma wkoll ssir fi żmien raġjonevoli.
Fost oħrajn semma dik li l-kumpilazzjoni għandha tingħalaq fi żmien sena minn meta l-imputat jitressqaq jew jidher għall-ewwel darba quddiem il-Qorti.
Qal, “Iż-żmien qasir li aħna qed nipproponu huwa żmien fejn il-kumpilazzjoni tispiċċa fi spazju jew terminu massimu ta’ sena. Ma jfissirx li jekk il-kumpilazzjoni tispiċċa f’sitt xhur se tkun xi ħaġa gravi, anzi huwa awspikat li litteralment il-qrati tagħna ma joħdux iktar minn sena.”
Apparti minn hekk b’din ir-riforma, il-Prosekuzzjoni issa trid tmur il-Qorti bil-provi u tippreżentahom fi żmien massimu ta’ 70 ġurnata.
Se jiġu wkoll emendati diversi artikoli tal-Kodiċi biex numru ta’ xhieda jkunu jistgħu jixhdu b’affidavit fil-kumpilazzjoni. Madankollu, il-Qorti xorta tista’ tibda tisma’ x-xhieda li jkunu jridu jinstemgħu viva voce mill-ewwel mingħajr limitazzjoni. Dan mingħajr ma toqgħod tistenna li jkunu ġew ippreżentati jew iddikjarati l-provi kollha tal-partijiet.
Din ir-riforma tara wkoll li t-tqanqil ta’ kwistjonijiet kostituzzjonali u tad-Drittijiet Fundamentali, ma jwaqqfux il-proċess ta’ kumpilazzjoni.
Qal, “Illum inti jekk tagħmel kawża kostituzzjonali fuq kwalunkwe punt, il-kumpilazzjoni trid tieqaf. Id-dokument jgħid li anke jekk wieħed jagħmel rikors kostituzzjonali, il-Qorti xorta tibqa’ tisma’ il-kawżi. Tgħiduli imma x’jiġri mill-kawżi meta tasal id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali. Meta tiddeċiedi l-Qorti Kostituzzjonali umbagħad wieħed irid jara quddiem min marret il-kawża u dik il-Qorti tieħu l-valutazzjoni tas-sentenza.”
Intant, il-proċedura tar-‘rinviju’ mill-Qorti lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u lura tispiċċa. Dan hekk kif illum il-ġurnata l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dar uffiċċju ta’ prosekuzzjoni u b’hekk ma hemmx lok għaliha.
Din ir-riforma tara wkoll li jiġu implimentati miżuri li jevitaw it-teħid ta’ ħin tal-Qorti minn formalitajiet. Dan anke billi ma jkunx meħtieġ illi l-Maġistrat jiffirma kull paġna ta’ kull dokument esebit.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard spjega li il-proċess ta’ riforma fil-ġustizzja huwa wieħed kontinwu u li dan il-Gvern affrontah f’dawn l-aħħar snin b’żidiet fir-riżorsi u b’żidiet fin-nefqa bla preċedent.
Dr Attard żied jgħid li m’għandniex nibqgħu lura milli nwettqu riformi li qatt ma saru bħalhom qabel u b’hekk jiġu indirizzati problemi li ilhom wisq jiġu injorati.
Qal, “Din hija riforma importanti ħafna fis-settur kriminali għaliex qed twassal biex ikun hemm aktar proċeduri effiċċjenti fl-interess tas-soċjetà, fl-interess tal-vittmi u kif ukoll fl-interess tal-imputat.”
Dan id-dokument issa jinsab miftuħ għal konsultazzjoni pubblika sal-31 ta’ Mejju li ġej.