Kif ġie mwiegħed mill-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern ħabbar li se jagħti kumpens lil dawk il-familji u n-negozji li kienu affettwati mill-qtugħ tad-dawl kawża tal-mewġa tas-sħana estrema li laqtet lil pajjiżna f’Lulju li għadda.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Enerġija, tħabbar li dan il-kumpens se jingħata lil dawk li kellhom qtugħ ta’ aktar minn sitt sigħat akkumulattivi fil-perjodu ta’ bejn is-sbatax u s-sebgħa u għoxrin ta’ Lulju.
Intqal li biex ikun iffaċilitat il-proċess, kontijiet residenzjali, li esperjenzaw interruzzjoni fil-provvista tal-elettriku ta’ sitt sigħat jew aktar, se jirċievu awtomatikament kreditu fil-kont tad-dawl tagħhom.
Dan il-kreditu qed ikun ibbażat fuq il-konsum medju tar-residenzi f’pajjiżna kkalkulati fuq tliet xhur, li jikkorrispondi mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Il-kreditu se jkun ekwivalenti għal dak li jikkonsmaw ir-residenzi bħala medja f’xahar sħiħ u jiżdied skont is-sigħat ta’ interruzzjoni.
Il-pagament se jvarja minn €60 għal dawk li kellhom qtugħ minn sitt sigħat sa tmien sigħat sa €110 għal li kellhom qtugħ ta’ aktar minn tmienja u erbgħin siegħa.
Intqal li mit-tieni ġimgħa ta’ Ottubru, il-konsumaturi se jaraw linja ta’ kreditu fil-kont tagħhom, li jindika l-ammont ta’ pagament li qed jiġi kkreditat.
Intqal ukoll li dawk, li se jirċievu l-pagament awtomatiku, se jirċievu ittra mill-ARMS fil-jiem li ġejjin.
Dawk li kellhom ħsarat eċċezzjonali f’dan il-perjodu u ma nqabdux fuq is-sistema tal-informatika, il-klijenti jistgħu japplikaw permezz ta’ applikazzjoni online.
Din se tiftaħ fid-disgħa ta’ Ottubru li ġej u tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ din is-sena. L-Enemalta u l-ARMS se jagħmlu eżerċizzju ta’ validazzjoni tal-applikazzjoni.
Dan filwaqt li negozji li ntlaqtu minn qtugħ fis-servizz tad-dawl iridu japplikaw online fuq is-sit electricitypayment.maltaenterprise.com u se jsir eżerċizzju ta’ validazzjoni mill-Enemalta u l-ARMS.
Hawnhekk l-applikazzjonijiet se jiftħu nhar il-Ġimgħa li ġej.
In-negozji b’kont mhux residenzjali huma eliġibbli għal kumpens ekwivalenti għal konsum ta’ xahar tal-istess kont u li hu kkalkulat fuq il-konsum f’Ġunju, Lulju u Awwissu tas-sena l-oħra.
Il-pagament jiżdied skont in-numru ta’ sigħat affettwati, b’limitu massimu ta’ €10,000 għal kull kont. L-iskema se titħaddem b’kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise u ġiet diskussa mal-istakeholders, li lkoll appoġġjawha.