Fond ġdid mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi se jiffinanzja proġetti, programmi u skemi li jħarsu l-ambjent u jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-gżejjer Maltin.
Dan ħabbruh il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-ERA Michelle Piccinino, f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Gvern għan-Nies.
L-iskema, bl-isem BELLUS, se tappoġġja proġetti ambjentali li jipproteġu, jirrestawraw u jtejbu l-ambjent.
Qalet, “Tkun qed tħares mhux sempliċiment li ssebbaħ żona imma li tħalli ekosistema tikber fiha. Jiġifieri se nħarsu lejn it-tip ta’ siġar magħżula għal dik iż-żona.”
Il-proġetti għandhom jimxu wkoll ma’ temi stabbiliti, bħall-infrastruttura ħadra u blu, il-ħolqien ta’ ġonna jew spazji pubbliċi, afforestazzjoni, tneħħija ta’ Speċi Aljeni Invażivi, u restawr ta’ żoni sensittivi viċin żoni urbani.
Qal, “Huwa fond li jmiss in-nofs miljun ewro, u l-proġetti li jmissu l-mitt elf ewro jingħataw flus lura. Dan jikkumplimenta skemi oħra li nidejna u qed imorru biex ikomplu nħaddru l-pajjiż. Dawn huma proġetti li se jħarsu l-biodiversità tal-pajjiż, afforestazzjoni u anke l-infrastruttura ħadra u blu li lkoll flimkien jikkumplimwntaw it-tħaddir tal-pajjiż.”
L-ERA se tieħu ħsieb li tgħaddi l-informazzjoni lill-entitajiet interessati.
Spjegat, “Se nagħmlu reklami biex ninfurmaw lin-nies b’laqgħa pubblika fejn se jkun hemm kollox deskritt u ngħaddu l-proċess ta’ kif wieħed japplika. Però dejjem ikun l-informazzjoni disponibbli fuq is-sit tal-Awtorità.”