Il-kumpens għall-għoli tal-ħajja se jkun ta’ €9.90 fil-ġimgħa. Din iż-żieda se tingħata lill-impjegati kollha, lill-pensjonanti, kif ukoll lil dawk fuq il-benefiċċji soċjali. L-istipendji tal-istudenti se jkunu qed jogħlew pro-rata.
Filwaqt li ħabbar dan waqt id-diskors tal-Budget, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol qal li ż-żieda għall-pensjonanti se tkun ta’ €12.50 fil-ġimgħa. Dan se jissarraf f’żieda totali ta’ €65 miljun fil-bwiet ta’ 100,000 pensjonant.
Il-Ministru Caruana qal ukoll li, minkejja li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja din is-sena hija fost l-ogħla, il-Gvern qed jintroduċi mekkaniżmu ġdid għal dawk l-aktar vulnerabbli. Il-mekkaniżmu jindirizza lil dawk kollha li qegħdin jirċievu l-benefiċċji soċjali u li jaqilgħu inqas mid-dħul medju, li għal din is-sena kien ta’ €17,796.
B’hekk, din is-sena, 80,000 individwu u 37,000 familja se jkunu qegħdin jibbenfikaw minn dan l-investiment fis-soċjetà.