Il-Gvern ħabbar żewġ skemi oħra sabiex jgħin lis-settur tal-ospitalità, bħala parti mill-pjan ta’ rkupru tal-Gvern fil-qasam tat-turiżmu.
F’konferenza tal-aħbarijiet minn Dar il-Mediterran, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo ħabbar kif l-ewwel skema hija mmirati lejn guesthouses, boutique hotels, lukandi ta’ żewġ stilel, hostels kif ukoll il-holiday furnished premises.
Permezz ta’ din l-iskema, il-guesthouses ser jingħataw €1,000 kull wieħed, il-lukandi ta’ żewġ stilel ser jingħataw €500 u Holiday furnished premises u hostels ser jingħataw €250.
Dan l-inċentiv se jkun immirat biex dawn jirreklamaw il-kmamar tagħhom fuq il-pjattaformi internazzjonali.
It-tieni skema mħabbra mill-Ministru Clayton Bartolo hija dik ta’ erba’ miljun ewro li se jkun immirat għas-settur tal-konferenzi f’pajjiżna.
Permezz ta’ din l-iskema, se jkunu qed jingħataw żewġ inċentivi.
Waħda ta’ €75 għal kull persuna li tiġi f’Malta għall-konferenza u tonfoq bejn €600 u €800 f’pajjiżna u oħra inċentiv ta’ €150 għal kull persuna li jiġi għall-konferenza u jonfoq iżjed minn €800.
Intant b’rabta mal-inċentivi li l-Gvern ħabbar il-ġimgħa l-oħra għal-lukandi ta’ erba’ jew ħames stilel, il-Ministru Clayton Bartolo qal li 75% tal-lukandiera inkwistjoni kellmu lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-ġimgħa d-dieħla se jsir webinar t’informazzjoni fuq din l-iskema.
Żied jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin se jkomplu jitħabbru iżjed inċentivi.