Il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta b’fondi Ewropej, intbagħat formalment lill-Kummissjoni Ewropea biex fix-xahrejn li ġejjin issir l-evalwazzjoni tiegħu u tingħata l-approvazzjoni biex jiġi implimentat.
F’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi ġie spjegat kif b’nefqa ta’ tliet mija u ħamsa u erbgħin miljun ewro, se jsiru sbatax-il proġett u inizjattivi, imsejsa fuq sitt oqsma ewlenin.
L-ewwel mira hija li l-binjiet f’pajjiżna, fosthom l-isptarijiet, ikunu sostenibbli, b’investiment ta’ madwar €78 miljun.
Dan se jwassal biex tinħoloq strateġija favur enerġija nadifa bil-għan li l-bini kollu jkun dekarbonazzat sal-elfejn u ħamsin u l-immaniġġjar tal-iskart ikun effettiv b’sistema ta’ governanza b’saħħitha.
Se jitranġaw ukoll l-iskejjel biex ikunu ħielsa mill-karbonju.
It-tieni mira hija dik li titjieb il-kwalità tal-ħajja, b’investiment ta’ madwar mija u ħdax-il miljun ewro.
Dan se jsir b’investimenti fit-trasport pubbliku u skemi ta’ għotjiet lil individwi u negozji biex jikber l-użu tal-vetturi elettriċi, inklużi l-muturi u r-roti.
It-tielet prijorità se tintlaħaq b’investiment ta’ €55 miljun sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija Maltija kemm għall-kompetittività domestika kif ukoll għal dik fis-swieq internazzjonali.
Dan se jsir b’investimenti fis-sistema tal-informatika tal-Gvern, aktar diġitiliżazzjoni u mmodernizzar fl-amministrazzjoni pubblika.
Ir-raba’ prijorità hija biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa, b’investiment ta’ madwar €50 miljun.
Dan se jsir billi jitwaqqaf Ċentru tad-Demm ġdid u iżjed speċjalizzat u se jiġu introdotti teknoloġiji ġodda fosthom investiment fiċ-ċentru l-ġdid tal-outpatients.
Il-ħames mira hija li tissaħħaħ il-kwalità tal-edukazzjoni f’pajjiżna, b’investiment ta’ €41 miljun.
Dan se jwassal biex aktar studenti jkomplu jistudjaw u titwettaq sistema ta’ moniteraġġ effettiv tal-politika edukattiva.
Is-sitt mira hija t-tisħiħ tal-qasam istituzzjonali, b’investiment ta’ €10 miljun.
Se tissaħħaħ il-kapaċità fil-qafas istituzzjonali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi titwettaq l-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Frodi u l-Korruzzjoni.
Ukoll f’dan il-qasam se tkompli ssir id-diġitalizazzjoni fil-Qrati biex ikunu iżjed effettivi.
Qal, “Malta se tkun qed tolqot il-miri ewlenin b’mod pożittiv ferm. L-ewwel nett dan huwa pjan li nistgħu nqisuh ambjentali għaliex madwar nofs in-nefqa ta’ dan il-pjan se jmorru għal skopijiet ambjentali, kif ukoll se nkunu qed naċċedu l-mira diġitali, għaliex filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea talbitna biex ninvestu mhux inqas minn 20%, se nkunu qed ninvestu madwar 26% u b’hekk ukoll se nkunu qegħdin naraw li jkollna qalba aktar b’saħħitha diġitali.”
Fuq Twitter, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, qalet kif il-Kummissjoni rċeviet il-pjan tal-Gvern Malti li fost l-oħrajn jinvolvi t-trasport sostennibli u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika.
Intant, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, fuq Twitter, qalet li l-Kummissjoni rċiviet il-pjan ta’ Malta.
Qalet kif il-pjan tal-Gvern Malti jinvolvi t-trasport sostennibli u d-diġitalizazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika.