Il-Gvern permezz tal-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar il-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.
Din il-viżjoni se ssir f’disa’ żoni ta’ dan il-port, li sar wara studju u konsultazzjoni ma’ esperti lokali u internazzjonali, f’dawn l-aħħar snin.
Il-Ministru Ian Borg qal kif ix-xogħol fuq din ir-riġenazzjoni diġà beda, fosthom permezz tal-ħidma li qed issir minn Infrastruttura Malta, hekk kif qed isir it-tisħiħ tal-breakwater, li bih il-port ikun iżjed kenni.
Xogħol ieħor li qed isir mill-istess aġenzija huwa dak tat-tneħħija tal-bastimenti abbandunati f’dan il-port u dan il-port se jkun minn tal-ewwel Ewropa, fejn il-bastimenti se jibdew jieħdu l-elettriku mix-xatt.
Dan tal-aħħar qed isir b’investiment ta’ ħamsin miljun ewro u se jkun qed jaqta’ l-emmissjonijiet b’disgħin fil-mija.
Barra minn hekk se jkun qed jibda t-tħammil tal-port, sabiex tiżdied l-kapaċità tal-Port il-Kbir.
“Permezz ta’ din il-viżjoni qegħdin nagħmlu biex nilħqu bilanċ għaliex l-attività marittima trid tkompli u tissaħħaħ, anzi qed noħolqu spazji ġodda għaliha. Fl-istess ħin għandek aspetti fejn il-pajjiż jista’ jkompli jikber. Għandek għaliex siti dilapitati li hemm bżonn jiġu riġenerati u mogħtija użanzi ġodda għaż-żminijiet addatati għal-lum.”
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Ian Borg spjega d-disa’ żoni li se jkunu qed jiġu riġenerati permezz ta’ din ir-riġenerazzjoni.
Fost iż-żoni hemm ix-xatt ta’ Lascaris fil-Belt fejn se jiġu rranġati l-imħażen u l-moll tal-fast ferry bejn iż-żewġ gżejjer se jitkabbar.
Apparti minn hemm se jsir xogħol fil-Waterfront billi jiġi estiż il-moll ta’ Pinto ħalli jidħlu iżjed cruiseliners.
Se tissebbaħ il-Menqa u l-eks ShipBuilding, se jinbena moll ġdid f’Ras Ħanżir u se jsir xogħol fid-Drydrocks u riġenerazzjoni fix-xatt tal-Kalkara u t-toqba tal-Birgu fost oħrajn.
Ma’ dan l-istazzjon iċ-Chairman tal-Forum Marittimu Malti qal li bħala forum se jkun qed jaħdem sabiex din il-viżjoni titwettaq.
“Għaliex il-fatt biss li sar u l-fatt biss li kien hemm biss ħsieb warajh li skont kif qal il-Ministru dalgħodu stess, tinvolvi tlett snin xogħol minn anke esperti internazzjonali, l-inqas ħaġa li jista’ jsir li aħna nqisuh b’reqqa, nagħmlu l-proposti tagħna, intejbu fuq li hemm u jekk jista’ jkun ċertu affarijiet jistgħu jiġu implimentanti fiż-żmien raġjonalment qasir isiru.”