Minn nhar il-Ħadd li ġej sal-aħħar tas-sena se jiftaħ l-istaġun tal-insib tal-malvizz u dak għll-pluvieri se jiftaħ mill-1 ta’ Novembru sal-10 ta’ Jannar li ġej.
Dan tħabbar mill-Gvern wara li kkonsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis. Intqal li l-kwota nazzjonali hi ta’ 5,000 malvizz u 700 pluviera.
Ġie spjegat li kull min hu liċenzjat li jonsob għall-malvizz u l-pluviera se jkun obbligat jirrapporta immedjatament kull malvizz u pluviera li jaqbad billi jċempel fuq 8000 2020 minn numru tal-mobile rreġistrat f’ismu jew billi juża l-mobile app ‘Game Reporting MT’.
Intqal li jekk wieħed jaqbad malvizz jew pluviera b’ċurkett xjentifiku, obbligat jikteb id-dettalji kollha fil-formola taċ-ċrieket, maħruġa f’isem il-persuna bil-liċenzja, li hija inkluża mal-liċenzja speċjali.
Ġie spjegat li s-sistema telefonika 8000 2020 tipprovdi gwida permezz ta’ messaġġi bil-vuċi li huma faċli biex wieħed isegwi, u ż-żewġ sistemi jikkonfermaw ir-rapport billi jintbagħat lura SMS bħala konferma.
Kull min hu fil-pussess tal-liċenzja speċjali għall-insib tal-malvizz u l-pluviera legalment obbligat josserva ir-regolamenti kollha marbuta ma’ din id-deroga.