Il-Gvern ħabbar li se jkun qed jestendi d-diferiment tat-taxxi tan-negozji u kumpaniji sal-aħħar tas-sena sabiex ikollhom aktar flus f’likwidità f’dan iż-żmien ta’ sfida.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana spjega li issa n-negozji se jkunu obbligati li jibdew iħallsu t-taxxi tagħhom minn Mejju tas-sena d-dieħla.
It-taxxi eliġibbli jinkludu t-taxxi kollha mħallsa minn min iħaddem.
Fil-fatt, ġie spjegat li mindu tnediet il-miżura tad-diferiment tat-taxxa b’kollox ġew diferiti madwar €230 miljun f’taxxi tad-dħul, bolla u VAT. Minn dawn tħallsu biss ftit aktar minn €95 miljun.
Minkejja din l-estenjoni, il-Ministru Caruana qal li din ma teżentax l-obbligu li wieħed jissottometti d-dokumenti neċessarji hekk kif mitlub mil-liġi.
Huwa stqarr: “Jiġifieri jekk wieħed irid idaħħal il-formoli tad-diversi taxxi, dawk il-formoli jidħlu, iva l-pagament ma jidħolx għax dak diferit imma l-formoli jridu jidħlu biex b’hekk il-Gvern ikompli għaddej bil-ħidma amministrattiva tiegħu fil-qasam tat-taxxi. Irrid ngħid li jekk dawn ma jidħlux u dak li hemm bżonn ma jsirx, iva hemmhekk xorta japplikaw il-penalitajiet li japplikaw is-soltu.”
Il-Ministru Clyde Caruana ħabbar li se jkun qed jestendi l-moratorji taħt il-Covid Guarantee Scheme mit-30 ta’ Ġunju 2021 sat-30 ta’ Settembru 2021.
B’kollox taħt din l-iskema mmirata li tipprovdi aktar likwidità lin-negozji, hemm 537 self u li jammontaw għal ftit aktar minn €408miljun.
Dan filwaqt li se tiġi estiża l-possibiltà li negozji jissellfu flus sabiex jitħallas self minn flus li jġib mill-Bank tal-Iżvilupp. Il-Ministru qal li dawn il-moratorji ġew estiżi sa Settembru hekk kif il-Bank tal-Iżvilupp qed jistudja strumenti finanzjarji sabiex in-negozji jħallsu dak li għandhom iħallsu fuq numru ta’ snin.
Il-Ministru għall-Finanzi ħabbar ukoll li se tkun qed titnieda konċessjoni sabiex negozji li jridu jħallsu pendenzi ta’ taxxa li jkunu akkumulaw matul is-snin jistgħu jagħmlu dan billi jbiegħu assi tagħhom fi propjetà jew art. B’hekk id-dħul mill-bejgħ imur għand id-Dipartiment tat-Taxxa u taħt din l-iskema jiġi eżentati minn 5% fuq it-taxxa tal-kapital.
Il-Ministru Caruana sostna: “Qed nara li din il-miżura jkollha skadenza ta’ sena jiġifieri sa Marzu tas-sena d-dieħla u għaldaqstant ikunu qed jibbenefikaw minnha dawk li jkunu daħlu f’konvenju li jsir fi żmien sena, jiġifieri sa’ Marzu tas-sena 2022.”
Intant fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Caruana ħabbar li Malta għaddiet is-sottomissjonijiet kollha tagħha rigward ir-rapport tal-Moneyval.
Meta mistoqsi dwar l-AirMalta, il-Ministru spjega li bħalissa għaddejja ħidma bla waqfien sabiex fil-jiem li ġejjin sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, titlesta wkoll is-sottomissjoni ta’ Malta għal quddiem il-Kummissjoni Ewropea biex il-linja nazzjonali tal-ajru tingħata l-għajnuna mill-Gvern.