Lest li tingħata s-somma ta’ €5,000 fis-sena, għal ħames snin imma trid tneħħi l-liċenzja tiegħek?
Din hi waħda mid-diversi miżuri u inċentivi li ġew imħabbra matul il-jum tas-Sibt, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jimmitiga t-traffiku filwaqt li jtejjeb is-servizz pubbliku.
Fost dawn il-miżuri hemm li wieħed ineħħi l-liċenzji u l-pjanċi tal-karozzi li għandu għal ħames snin. Hawnhekk, jekk wieħed jagħmel dan, huwa se jkun qiegħed jingħata €5,000 kull sena għal ħames snin, li flimkien jammontaw għal €25,000.
Miżura oħra tirrigwardja żgħażagħ ta’ 17-il sena, li se jkunu jistgħu jsuqu scooterx żgħar, waqt li jingħataw is-somma ta’ €1,500 kull sena għal erba’ snin. Dan bil-kundizzjoni li ma jistgħux iġibu l-liċenzja tal-karozza sal-età ta’ 21 sena.
Dan filwaqt li persuni ta’ kull età, li jneħħu l-liċenzja u l-vettura tagħhom, biex minflok jużaw scooter, se jkunu wkoll qed jingħataw is-somma ta’ €1,500 kull sena għal erba’ snin.
Minn dawn l-inċentivi, wieħed jista’ joħroġ wara sena, bil-persuna jkun mistenni li jrodd lura l-fondi ta’ snin li jkun għad baqa’.
Miżura oħra tara inċentivi għal persuni li jixtru scooter. Dan filwaqt li jekk ikollok vettura, li ilha tintuża għal aktar minn għaxar snin u wieħed se tiskrappja, il-persuna se jkun qed jingħata s-somma ta’ €1,000.
Ġie mħabbar ukoll li biex karozza tkun waħda klassika, u tibbenefika minn liċenzja irħas, trid tkun aktar minn 35 sena. Dan filwaqt li se jkunu qed isiru spezzjonijiet apposta biex ikun żgurat li dawn il-karozzi jkunu verament klassiċi.
Fl-Università ta’ Malta, se jiżdiedu l-ispazji apposta għal persuni li jkunu qed jagħmlu carpooling.
Il-miżuri mħabbra jaraw ukoll li pajjiżna jkolli ekonomija li taħdem 24 siegħa. F’dan ir-rigward intqal li diversi servizzi li jsiru fit-toroq ta’ pajjiżna, mhux se jsiru fil-peak hours – fl-aktar ħinijiet fejn it-toroq ikunu l-aktar ippakjati. Dawn is-servizzi jinkludi tindif ta’ toroq, irranġar ta’ marki u tabelli fit-toroq u landscaping. Dwar il-ġbir ta’ skart, qed isiru diskussjonijiet biex dan jibda jinġabar filgħaxija.
Ma’ dan kollu, se jsir studju dwar il-vijabilità ekonomika u soċjali fis-servizz ta’ cargo ferry bil-baħar minn postijiet differenti madwar il-pajjiż.
Rigward parkeġġ, ġew identifikati erba’ żoni ġodda fejn se jkun hemm is-servizz ta’ Park and Ride. Dawn l-erba’ żoni jinsabu f’ Ta’ Qali, Raħal Ġdid, Bormla u Pemroke.
Fl-istess waqt, Transport Malta se tibda proċess biex jiġu identifikati binjiet pubbliċi biex jintużaw bħala żoni ta’ parkeġġ mill-pubbliku inġenerali.
Dan filwaqt li se tidħol politika nazzjonali dwar il-parkeġġi, li tinkludi fiha iżjed spazji għall-muturi, karozzi elettriċi kif ukoll scooters.
Rigward it-Trasport Pubbliku, ġew mħabbra diversi rotot li se jkunu emendati filwaqt li anke se jiġu introdotti rotot ġodda.
Fosthom dawk għal żoni industrijali u oħrajn li jmorru lejn l-Isptar Mater Dei, ir-Residenza San Vinċenz de Paule, l-Università u l-Higher Secondary, fost postijiet oħrajn.
Se jsir ukoll studju, sabiex jiġu riveduti r-rotot tal-linja inġenerali, dan anke fid-dawl li se jkun iffirmat kunratt ġdid.
Se tiġi konkluża wkoll l-Istrateġija Nazzjonali taċ-Ċikliżmu, li anke se tkun qed twitti triq għall-ivvjaġġar permezz taċ-ċikliżmu, filwaqt li tiġi żviluppata Strateġija Nazzjonali għal mixi.