Il-Ministeru għall-Ġustizzja qal, fi stqarrija, li r-rapport ippubblikat mis-Civil Liberties Union for Europe dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna inkluda għadd ta’ asserzjonijiet żbaljati.
Ingħad li fis-sezzjoni dwar Malta, miktuba mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, qatt ma ntalbet ir-reazzjoni tal-Ministeru fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport, waqt li ġew ippreżentati għadd ta’ dikjarazzjoni żbaljati, b’nuqqas ta’ informazzjoni wkoll dwar ir-riformi varji u l-progress li nkiseb fit-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u s-sistema ġudizzjarja fl-aħħar snin.
Sa mill-2020, Malta wettqet diversi riformi komprensivi mmirati biex itejbu l-indipendenza, it-trasparenza u l-akkontabbiltà tal-ġudikatura b’konformità mal-istandards Ewropej. Żviluppi li wkoll ġew rikonoxxuti minn istituzzjonijiet Ewropej.
Fost l-oħrajn, il-Ministeru semma emendi Kostituzzjonali ħames snin ilu dwar il-proċessi tal-ħatra ta’ maġistrati u mħallfin biex dawn jintagħżlu fuq il-mertu minn kumitat indipendenti mwaqqaf apposta.
Minbarra hekk, issemmew il-ħatra ta’ Prim Imħallef issa wkoll hi suġġetta għal vot ta’ żewġ-terzi tal-Parlament, f’aktar kunsens u imparzjalità wiesa’, u s-separazzjoni tar-rwoli tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat fl-2021.
Ma’ dan, il-Gvern Malti wkoll żied l-ammont ta’ membri tal-ġudikatura biex illum hemm rekord ta’ maġistrati u mħallfin sedenti, u żied l-awli fejn jinstemgħu l-kawżi, waqt li wkoll nieda strateġija ta’ diġitalizzazzjoni komprensiva b’investiment ta’ €10 miljun biex tiġi mmodernizzata l-infrastruttura ġudizzjarja.
B’rabta mal-libertà tal-midja, Malta kienet minn tal-ewwel fl-Unjoni Ewropea kollha li adottat fil-liġi nazzjonali d-Direttiva Anti-SLAPP.
Dawn u oħrajn huma xhieda tal-impenn sħiħ tal-Gvern Malti li jibqa’ determinat li jżomm ’il fuq il-valuri Ewropej.