F’ittra mibgħuta lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’rabta man-nomina ta’ mħallef Malti f’din l-istituzzjoni internazzjonali, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, giddeb lill-President tal-Għaqda Repubblika, Vicki Ann Cremona.
Dan wara li, f’ittra li bagħtet, Cremona allegat li ma kienx hemm proċess ta’ għażla għan-nomina ta’ mħallef għall-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Tali allegazzjoni ġiet imxejna kompletament billi l-Ministru spjega u ppreżenta provi li fit-30 ta’ April li għadda din il-pożizzjoni kienet diġà ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern.
Intqal ukoll kif il-proċess tal-għażla tal-kandidat għal dan ir-rwol għadu għaddej fuq livell nazzjonali u kif l-intervisti mal-kandidati interessati mistennija jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.
Dr Attard aċċenna li l-għan tal-President tal-għaqda Repubblika kien wieħed ċar, jiġifieri dak ta’ attakk personali li jimmina l-possibbiltà ta’ kandidatura Maltija għall-kariga ta’ mħallef fil-Qorti Ewropea.
Għaldaqstant il-Ministru tenna biex il-panel tal-aġġudikazzjoni jimxi bl-istess mod ma’ kull kandidat u mhux jekk ikunx issemma fl-ittra malizzjuża tal-għaqda Repubblika jew le.