Id-deputat Nazzjonalista u kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija Kristy Debono qalet li l-ekonomija ta’ pajjiżna sejra tajjeb għax il-Gvern iffortunat.
Debono għamlet din id-dikjarazzjoni surreali waqt il-programm Xtra fuq l-istazzjon Nazzjonali li kien qed jiddiskuti il-budget imressaq it-Tnejn li għadda.
Debono stqarret: “Il-Gvern huwa ffortunat li għandu ċifri tajbin.”
B’reazzjoni, il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri qal li l-fatt li pajjiżna se jerġa jagħmel surplus għall-ħames sena konsekuttiva huwa mertu ta’ pjan ċar.
Byron Camilleri sostna li “Ma jsirx bil-fortuna, jsir bix-xogħol u jsir bi pjan.”
Ħidma li fost l-oħrajn wasslet biex jiżdiedu l-pensjonijiet għal ħames sena konsekuttivi, tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, miżuri biex persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol u għajnuna għal min irid isib saqaf fuq rasu.
Viżibbilment skomda bid-dikjarazzjoni ta’ Camilleri, Kristy Debono ippruvat tirribatti iżda kulma rnexxielha tagħmel kien biss li tikkontradixxi dak li kienet qalet ftit minuti qabel.
Dan għaliex ftit minuti wara hija qalet “Ekonomija tajba mhix ibbażata fuq fortuna. Ħadd ma semma fortuna.”
Tul il-programm Debono qalet ukoll li l-Gvern irriċikla miżuri minn budgets tas-snin li għaddew.
Debono tennieiet tgħid: “Ħafna miżuri rriċiklati minn budgets preċedenti.”
Dan minkejja li l-budget introduċa skemi ġodda bħal tal-linja b’xejn għal anzjani b’iktar minn 75 sena, għotja ta’ €300 għal kull wild jew addozzjoni u l-investiment ta’ żewġ miljun ewro għal park nazzjonali ikbar f’Ta’ Qali.
Iżda Debono kompliet tinsisti u ddikjarat li l-Gvern nesa lin-nisa meta l-miżuri mħabbra ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn l-irġiel u n-nisa.
“In-nisa ġew injorati kompletament, saħqet Debono.
Debono injorat il-miżuri li l-Gvern se jkompli jsostni tul is-sena d-dieħla bħaċ-childcare b’xejn u t-trasport b’xejn għall-istudenti, li huma intiżi biex fost l-oħrajn jixprunaw parteċipazzjoni feminili ikbar fid-dinja tax-xogħol.