Il-Gvern fassal u se jippubblika għad-diskussjoni dalwaqt, liġijiet iktar iebsa b’rabta max-xorb u s-sewqan. Fejn primarjament huma bbażati fuq inqas tolleranza fil-livell ta’ alkoħol. Żvela dan il-Prim Ministru Joseph Muscat meta l-Ġimgħa filgħaxija kien qed jieħu sehem fil-programm ONE WEEK.
“Naħseb li għandna tolleranza kbira wisq f’dak li huwa xorb. Meta tqabbel il-livell ta’ alkoħol permessibbli meta tgħamel il-breathylser test hawn Malta qegħdin fl-ogħla livell flimkien mal-Ingilterra,” qal il-Prim Ministru. Żied li Malta hi l-uniku pajjiż li tagħmel x’tagħmel, jew issuq x’issuq hemm l-istess livell ta’ alkoħol li huwa permessibbli.
“L-ewwel nett irid ikun hemm inqas alkoħol permessibbli minn kulħadd. Ammont jerġa’ inqas għall-persuni li għadhom iġibu l-liċenzja. Imbagħad hemm ammont inqas għall-persuni li jsuqu trakkijiet u vetturi kummerċjali u xejn tolleranza ta’ alkoħol għal min isuq karozza tal-linja, minibus jew vetturi oħra li jġorru l-passiġġieri,” iddikjara l-Prim Ministru.
“Int hemm mhux qed issuq lilek innifsek biss. Aħna sal-lum jekk bniedem isuqx għal rasu jew jekk issuqx it-tfal għall-iskola kkunsidrat l-istess,” tenna l-Prim Ministru li żvela kif se jiddaħħlu sistemi ġodda ta’ infurzar.
“Ittellgħu xi sittin persuna b’rabta ma’ alkoħol. Mhix realistika,” żied il-Prim Ministru li qal li jemmen li l-gvern għandu r-rieda politika li jittieħdu dawn il-passi.