Illum, il-Gvern ta’ Malta jfakkar Jum l-Afrika, kommemorazzjoni annwali tal-fondazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Għaqda Afrikana fil-25 ta’ Mejju 1963. F’dan il-jum sinifikanti ningħaqdu flimkien biex niċċelebraw il-wegħda u l-potenzjal enormi ta’ dan il-kontinent ġar tagħna hekk divers u dinamiku.
Lura fl-2021, il-Gvern ta’ Malta nieda Strateġija għall-Afrika, fejn afferma mill-ġdid l-impenn tagħna li ninvolvu ruħna mal-kontinent Afrikan bħala msieħba għall-paċi u t-tkabbir. Din l-istrateġija tirrikonoxxi l-iżvilupp ta’ komunità ekonomika pan-Afrikana mmexxija mill-Unjoni Afrikana, magħrufa bħala l-African Continental Free Trade Area (AfCFTA), bil-għan li tgħaqqad is-suq Afrikan taħt ftehim kummerċjali komprensiv li jkopri oqsma kritiċi bħall-kummerċ diġitali u l-protezzjoni tal-investiment. Billi tneħħi l-ostakli għall-kummerċ fl-Afrika, AfCFTA hija lesta li tagħti spinta sinifikanti lill-kummerċ intra-Afrikan, toħloq ekonomija ta’ $1.3 triljun madwar 44 pajjiż Afrikan u tħalli impatt pożittiv fuq il-ħajja ta’ 1.2 biljun ruħ.
Ir-rikonoxximent tal-pożizzjoni strateġika ta’ Malta mal-Afrika ġie rrimarkat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Von Der Leyen bħala “pont bejn żewġ kontinenti”. L-istrateġija ta’ Malta għall-Afrika tiftaħ opportunità għall-involviment mal-ġirien tagħna sabiex jinħolqu sinerġiji għall-iżvilupp, opportunitajiet għat-tkabbir u pjattaformi għad-djalogu.
Fi Frar ta’ din is-sena, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg fetaħ l-Ambaxxata l-ġdida tagħna f’Accra, il-Ghana, kif ukoll riċentement kellu żjarat uffiċjali fl-Etjopja, ir-Rwanda u s-Seychelles, fejn kellu l-opportunità li jara u jesperjenza dan id-dinamiżmu li jitqies bħala l-karatteristika ewlenija tal-Afrika llum. Il-Ministru Borg jippjana li jżur pajjiżi oħra f’dan il-kontinent fix-xhur li ġejjin.
“Grazzi għall-preżenza tagħna fl-Afrika, b’suċċess qed ningħaqdu ma’ msieħba ġodda u qed niksbu opportunitajiet ġodda għall-kummerċ u l-iżvilupp. Qed nibnu fuq is-sħubija tagħna fl-UE bħala membri attivi ta’ Europe Team fl-Afrika filwaqt li nikkonsolidaw ir-rabtiet storiċi tagħna tal-Commonwealth. Qed noħolqu impjiegi ġodda sostenibbli fl-Afrika f’setturi emerġenti. B’hekk qed nindirizzaw l-isfidi ta’ żminijietna u ngħinu noħolqu Afrika ġdida,” qal il-Ministru Ian Borg.
F’dan is-60 anniversarju mit-twaqqif tal-Unjoni Afrikana, il-Ministru Borg ħa l-opportunità ta’ Jum l-Afrika biex jimmarka l-preżenza ta’ Malta fl-Afrika, filwaqt li rrifletta fuq dawn is-suċċessi bikrin, kif bl-aħjar mod possibbli għandna nwittu t-triq għal aktar tkabbir permezz tal-kummerċ u nsaħħu l-impenn għall-paċi u s-sigurtà għal kulħadd fl-Afrika.