Il-Bord għar-relazzjonijiet tal-impjiegi għaddej b’diskussjonijiet biex ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem jaslu għal proposti dwar kif tista’ tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-liġi tax-xogħol preżenti li tħares l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-pagi.
F’konferenza tal-aħbarijiet, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Helena Dalli aċċenat li l-Gvern huwa kommess li jassigura li l-kunċett ta’ paga ndaqs għal xogħol ta’ l-istess valur jitwettaq fil-prattika mingħajr eċċezzjonijiet. “Dan il-kunċett għandu wkoll jassigura u jsaħħaħ l-impenn li ma ssir ebda diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol abbażi ta’ sess” qalet il-Ministru Dalli.
Bħalissa l-prinċipju tal-istess paga għall-irġiel u n-nisa għall-istess xogħol hi protetta fil-Kostituzzjoni ta’ Malta. Dan filwaqt li L-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali jispeċifika li impjegati fl-istess klassi ta’ impieg għandhom id-dritt għall-istess rata ta’ rimunerazzjoni għal xogħol ta’ valur ugwali, u l-Att dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa jipprojbixxi diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Madanakollu, il-Ministru Dalli innotat li biex tiġi indirizzata d-differenza fil-pagi imma hemm bżonn li jitranġaw diversi sitwazzjonijiet fejn hemm mhux biss id-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri, imma wkoll is-segregazzjoni tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, kif ukoll tendenzi differenti fil-parteċipazzjoni tax-xogħol li jwasslu għal differenzi fil-pagi u fl-opportunitajiet ta’ avvanz fil-karriera.
Fil-fatt il-Kummissarju għall-ugwajanza, Renee Laviera, irreferiet għal każ partikolari li ġie investigat mid-Dipartiment tax-xogħol li sab li mara f’pożizzjoni ta’ manager kienet qed titħallas sa €500 inqas meta kkumparat ma’ tliet irġiel li kienu qegħdin jokkupaw l-istess kariga. Liema każ ġie investigat u minkejja li l-liġi ma tobbligax lil min iħaddem biex ikun trasparenti fil-pagi, l-kumpanija qabblet il-paga tal-mara konċernata ma’ dik tal-irġiel li kienu qiegħdin jagħmlu xogħol tal-istess valur.
Il-Ministru Dalli sostniet li r-rwol tas-sħab soċjali, tal-policy makers u ta’ partijiet oħra ikkonċernati huwa fundamentali biex tissaħħaħ it-trasparenza fil-pagi u jiżdied l-għarfien dwar dan is-suġġett fis-soċjetà, b’mod partikolari mal-ħaddiema u ma’ min iħaddem, biex jonqsu l-abbużi. Għaldaqstant, qed issir konsultazzjoni mas-sħab soċjali sabiex ikun stabbilit mekkaniżmu fi ħdan id-Dipartment għax-Xogħol u Relazzjonijiet Industrijali, li jiġbor informazzjoni u jmexxi investigazzjonijiet rigward inugwaljanzi fil-pagi.
Dr Dalli qalet li minkejja l-fatt li d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irgiel f’Malta tlaħħaq il-11% għall-2016 u hija inqas mill-medja Ewropeja, dan id-distakk qiegħed kull ma jmur jikber fil-kuntest taż-żieda gradwali tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.
Fl-aħħarnett il-Ministru fakkret li t-tisħiħ tal-kunċett ta’ paga ndaqs ghal xoghol ta’ l-istess valur mhuwiex importanti biss biex jitnaqqsu diskrepanzi bejn in-nisa u l-irġiel fil-qliegħ u l-pensjonijiet imma jghin għas-sostenn tal-indipendenza finanzjarja tan-nisa.