Sa issa l-Gvern ħallas ħamsa u tletin miljun ewro f’għajnuna fi ħlas ta’ pagi sabiex ġew salvati aktar minn tlieta u disgħin elf impjieg f’setturi milquta mill-pandemija.
Ħabbar dan il-Ministru għall-ekonomija Silvio Schembri, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, ftit tas-sigħat wara li sar magħruf, li skont studju ekonomiku minn Columbia University fi New York, pajjiżna jinsab l-ewwel fid-dinja bl-aqwa skemi ta’ għajnuniet għan-negozji u l-ħaddiema li ġew milquta mill-pandemija.
Dan l-istudju minn università rinomata Amerikana ġie rrappurtat ukoll bi prominenza mill-BBC.
Fost mija sitta u sittin pajjiż, Malta ġiet l-ewwel fid-dinja bl-akbar spiża mill-prodott domestiku gross tagħha għal dawn l-iskemi t’għajnuna.
Isegwu lil Malta hemm il-Ġappun, il-Lussemburgu, il-Belġju u l-Istati Uniti.
Dan ir-rapport qal li l-inqas pajjiżi bi skemi ta’ għajnuna huma Franza, l-Litwanja u l-Iran.
Il-Prim Ministru Robert Abela wera sodisfazzjon għal dan ir-rapport li juri biċ-ċar li pajjiżna qed jinvesti f’miżuri ekonomiċi biex ikun ta’ spalla għan-negozji.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri sostna li dan huwa ċertifikat ieħor li juri kemm il-Gvern qed jieħu l-aħjar deċiżjonijiet ekonomici fl-interess ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Schembri stqarr, “Din l-għajnuna tfisser li jżommu lil ħaddiema impjegati magħhom għax permezz ta miżuri ġodda se nerġgħu nqajmu l-ekonomija.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li minn meta faqqgħet il-pandemija, bl-għajnuna tal-ħlas tal-pagi, ġew salvati tmenin elf, mija tnejn u tmenin impjieg fuq bażi full-time u aktar minn tnax-il elf u disa’ mitt impjieg fuq bażi part-time.
Aktar minn tmienja u tmenin elf, erba’ mitt negozju li ngħataw l-għajnuna jinsabu f’Malta, filwaqt li erba’ t’elef sitt mija tlieta u ħamsin negozju jinsabu f’Għawdex.
Għall-iskema tal-leave tal-kwarantina, il-gvern nefaq aktar minn seba’ mitt elf ewro u minnha ibbenefikaw ftit aktar minn elfejn ruħ.
Għall-iskema tat-teleworking, il-gvern ħallas mija ħamsa u erbgħin elf ewro lil sitt mija ħamsa u ħamsin ħaddiem.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li tmenin fil-mija tal-applikazzjonijiet li rċeviet l-Malta Enterprise ġew ipproċessati bil-Malta Enterprise qed tagħmel kuntatt mal-applikanti, li ħafna minnhom diġa bdew jitħallsu.
Kurt Farrugia spjega li minkejja din il-ħidma, l-Malta Enterprise qed taħdem sabiex la tgħaddi l-pandemija, Malta terġa’ tibda tattira aktar investiment.
Farrugia saħaq, “Ma waqafx ix-xogħol biex nattiraw iktar investiment ma investituri u klijenti. L-ekonomija ta’ malta u kif ikkontrolajna l-pandemija pajjizna qed juri kemm hu b saħħtu.”