Nisa Laburisti tilqa’ b’sodisfazzjon il-vot kompatt tal-gvern fil-Parlament ilbieraħ favur emendi għall-liġi tal-IVF li se jwasslu biex aktar familji jkollhom it-tfal.
L-Għaqda kienet ilha mill-2015 tikkampanja għall-bidla f’din il-liġi għaliex il-liġi tal-2012 ma kinitx ġusta.
Il-bidla li saret ilbieraħ se tolqot b’mod pożittiv ħafna aktar milli naħsbu lil dawk li jinsabu għaddejjin minn diffikultajiet biex jikkonċepixxu.
Hija bidla li taħseb ukoll fil-futur għaliex se tagħti l-opportunità lil uliedna li jista’ jagħti kaz li huma wkoll jiffaċċjaw problemi ta’ infertilità f’ħajjithom bħalma jinsabu għaddejjin bħalissa koppja minn kull sitta f’pajjizna.
“L-infertilità ma tafx uċuh u lanqas sessi, ma tafx irġiel u lanqas nisa. Il-leġiżlazzjoni approvata l-bieraħ hija wahda għas-soċjetà kollha. Il-Gvern wera li Malta huwa pajjiż li jimportah. Jimpurtah mill-familji biex ikollha l-aqwa u l-ahjar trattament mediku f’pajjiżna biex ikun jista’ jkollhom l-ulied. Nisa Laburisti sodisfatta li l-bidliet saru fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura għaliex dan juri kemm il-gvern għandu qalbu tħabbat fil-post it-tajjeb,” qalet Claudette Abela Baldacchino, il-President ta’ Nisa Laburisti.